Cacopardo: 'Il-Kunsilli jistgħu jiġġeneraw l-ekonomija lokali b'mod sostenibbli'

Il-Kandidat tal-AD għall-Mellieħa Luke Caruana jsostni li għandna nagħtu prijorità 'lin-nies mhux lil karozzi'

Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Alternattiva Demokratika fi-Mellieħa | Mix-xellug: Ralph Cassar, Luke Caruana, Carmel Cacopardo u Donal Kerry
Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Alternattiva Demokratika fi-Mellieħa | Mix-xellug: Ralph Cassar, Luke Caruana, Carmel Cacopardo u Donal Kerry

"Il-Mellieħa hija waħda mill-ftit lokalitajiet fejn l-interazzjoni man-natura għadha possibbli minkejja l-pressjonijiet kontinwi eżerċitati kemm mill-iżvilupp in ġenerali kif ukoll mill-industrija tat-turiżmu." Dan intqal miċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo li indirizza konferenza stampa dalgħodu fil-Mellieħa flimkien mal-kandidat għall-Kunsill Lokali Luke Caruana.

Waqt il-konferenza stampa, Alternattiva Demokratika enfasizzat il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-ħarsien tal-ambjent u lir-residenti fil-politika lokali.

Luke Caruana qal li l-Mellieħa, bħal ħafna lokalitajiet oħra teħtieġ politika Ħadra "biex ikun assigurat li l-prinċipji ta' sostenibbiltà, inklużjoni u trasparenza jkunu parti integrali mill-mod kif il-Kunsill Lokali jindirizza r-responsabbiltajiet tiegħu.”

“Sfortunatament, mhix l-ewwel darba li l-kwalità tal-ħajja tar-residenti ġiet imwarrba biex takkomoda lobbies b’interessi kummerċjali. Eżempju ta’ dan insibuh fil-proposta tal-mina bejn Malta u Għawdex, li hija theddida ambjentali serja u li tolqot il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet rurali żgħar tal-Mellieħa: il-Manikata u l-Għerien. Mhux aċċettabbli li kunsilliera attwali u kandidati oħra ma esprimewx it-tħassib tagħhom dwar l-impatti sinifikanti li dan l-iżvilupp ser ikollu fuq dawn il-komunitajiet rurali”.

Luke Caruana enfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni fit-tul li tiżgura li l-ispazji miftuħa li fadal jkunu verament imħarsa minn żvilupp mhux meħtieġ.

Huwa żied jgħid li “l-lokalita tagħna għandha ssir aktar ekoloġika billi nagħtu prijorità lin-nies u mhux il-karozzi. Dan nistgħu niksbuħ billi nespandu ż-żoni pedonali u possibilment billi nziedu l-aċċessibbilita lil modi ta' trasport aktar nodfa bħalma huma r-roti u t-taxis elettriċi. Barra minn hekk, it-tħawwil ta' siġar lokali se jgħin biex titjieb il-kwalità ta' l-arja u biex ikunu ta' kenn matul ix-xhur tas-sajf.”

Carmel Cacopardo enfasizza l-ħtieġa li l-Mellieħa tapprezza iktar ir-rabtiet tagħha man-natura kif ukoll mal-wirt tagħha. "Fort Campbell f'Selmun jinsab fi stat ta' rovina minħabba li ġie traskurat u vandalizzat għal żmien twil wisq. Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għandu jkun minn ta' quddiem fil-koordinazzjoni tal-isforzi biex jirrestawra l-Fort Campbell u jistabbilixxi użu xieraq għalih marbut mal-apprezzament tal-ambjent rurali u l-ekoturiżmu."

Carmel Cacopardo, saħaq li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti biex jiġġeneraw ekonomija lokali li hija tassew sostenibbli. Dan jista’ jsir billi niżviluppaw l-industrija tal-ekoturiżmu f’lokalità bħal ma hija dik tal-Mellieħa.

More in Politika