Konrad Mizzi se jippreżenta lill-Parlament ftehim ġdid mal-Corinthia

Dan wara li l-ftehim oriġinali kien qajjem kritika sħiħa fosthom anke minn Deputati tal-Gvern li kienu tkellmu mal-gazzetta ILLUM

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi se jkun qed jippreżenta lill-Parlament ftehim ġdid għat-trasferiment tal-art lil Corinthia, hekk kif informa lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li qed jirtira t-talba li għamel biex l-istess Kumitat japprova t-trasferiment.

Il-Ministru Mizzi qal li d-dokument il-ġdid, li se jkun qed jippreżenta fil-jiem li ġejjin, se jkun jirrifletti l-konsultazzjonijiet u d-diskussjonijiet li saru, fosthom mal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent.

Il-ftehim li l-Ministru kien ressaq f’Diċembru jippermetti lill-International Hotel Investments (IHI), sidt il-Corinthia Hotel Group u l-lukanda Radisson, biex twaqqa’ żewġ lukandi li għandha fil-bajja ta’ San Ġorġ biex minflokhom twettaq proġett ta’ €400 miljun li fost oħrajn jinkludi lukanda ta’ sitt stilel, bini ta’ torrijiet għal residenzi lussużi u anke uffiċċji.

Il-Parlament kellu jiddeċiedi dwar ir-reżoluzzjoni parlamentari, biex jinbidlu l-kundizzjonijiet li kienu ġew imposti fuq l-International Hotel Investments biex l-art mogħtija lilhom b’konċessjoni mill-Gvern tkun użata biss għal raġunijiet turisti.

Dan il-ftehim prospettiv ma inkwetax biss lill-ambjentalisti, lill-iżviluppaturi u lill-NGOs, jekk kif il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li diversi Deputati tal-Gvern, inkluż membri tal-kabinett, qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar dan il-ftehim. Kemm il-Partit Nazzjonalista, il-Partit Demokratiku u anke l-Alternattiva Demokratika kienu ħarġu kontra dan il-ftehim.

X'kienu l-punti l-aktar li qajmu diskussjoni?

L-aktar ħaġa li qajmet diskussjoni huwa l-prezz li skont il-ftehim oriġinali kellha tħallas l-IHI. Filwaqt li l-art kienet stmata li tiswa €121 miljun, fil-verità l-kumpanija se toħroġ biss €17-il miljun, hekk kif it-€52 miljun l-oħra se jkunu qed jitħallsu minn dawk li jixtru proprjetà biex ibiddlu ċ-ċens minn wieħed temporanju għal dak permanenti.

Din l-art inkwistjoni kienet ingħatat b’konċessjoni mill-Gvern fis-snin disgħin bil-kundizzjoni li fuqha jsir biss żvilupp għal raġunijiet turistiċi. Il-kumpanija kienet bniet żewġ lukandi, il-Corinthia San Ġorġ u l-Corinthia Marina Hotel. Aktar tard, l-istess kumpanija kienet xtrat ukoll il-lukanda Radisson.

Il-lukanda Corinthia San Ġorġ mhix se tkun qed titwaqqa’ u se tinżamm fil-proġett ta’ €400 miljun li l-International Hotels Investments għandha ħsieb li twettaq fuq din l-art

Apparti dan kollu, ġie żvelat ukoll li l-ftehim oriġinali jippermetti lill-kumpanija biex titrasferixxi l-kuntratt lil kwalunkwe kumpanija oħra.

Il-ftehim, kieku kien approvat kif inhu, kien se jippermetti wkoll lil IHI biex tinnegozja mill-ġdid il-kuntratt f’każ li ċirkostanzi “ekonomiċi u soċjali” eċċezzjonali (li ma jkunux previsti meta l-kuntratt jiġi ffirmat) ipoġġu pressjoni kbira fuq il-kumpanija biex tonora ż-żmien li matulu għandu jitwettaq il-proġett.

Fi kliem sempliċi, il-kuntratt se jagħti dritt lill-kumpanija biex tinnegozja mill-ġdid il-ftehim jekk jidrilha li l-klima soċjo-ekonomika tal-pajjiż tkun inbidlet b’tali mod li ma tkunx tista’ twettaq il-proġett kif ippjanat.

Wara xahrejn sħaħ ta' pressjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni, l-Ministru Konrad Mizzi ma kellux triq oħra għajr li jirtira l-avviż għat-trasferiment tal-art pubblika, li l-Gvern ried jagħti bix-xejn lill-privat għall-ispekulazzjoni u l-bini.

'Il-Gvern ċeda għall-pressjoni tal-Oppożizzjoni' - PN

Intant, b'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern ċeda għall-pressjoni tal-Oppożizzjoni li fi kliemu dejjem opponiet li art pubblika f'żona strateġika f'San Ġiljan tingħata bix-xejn għall-ispekulazzjoni u l-bini. 

"Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien u se jibqa' favur l-investiment fis-settur tat-turiżmu, ma jistax jippermetti li art pubblika tingħata bix-xejn, meta hawn anzjani u sidien ta' negozji żgħar li meta jagħlqilhom iċ-ċens jispiċċaw barra jew b'xejn," saħaq il-PN.

L-Istqarrija tkompli li l-Oppożizzjoni se tibqa' tisħaq li din l-art pubblika  għandha tibqa' tintuża għal skopijiet turistiċi biex titgawda mill-familji u biex il-ħaddiema jibqgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom mit-tkattir tat-turiżmu.

Temm ifakkar li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kemm-il darba stqarr li l-Oppożizzjoni mhix se tippermetti li l-Gvern jisraq lill-poplu mill-art pubblika u jagħtiha bix-xejn biex igawdu l-ftit.

"Dawn huma flus li jistgħu jintużaw b'mod għaqli fil-housing soċjali, il-pensjonijiet u għal proġetti oħra kapitali li jtaffu l-problemi tat-trasport f'pajjiżna," temm jgħid il-PN.

Graffitti jilqgħu din l-aħbar iżda jisħqu li din mhux rebħa finali

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti qal li qed jilqa' b’sodisfazzjon kbir id-deċiżjoni tal-Ministru Konrad Mizzi li jirtira l-avviż għat-trasferiment tal-art lill-Grupp Corinthia.

Il-Moviment saħaq li filwaqt li din mhijiex rebħa finali, għaliex in-negozjati mal-Corinthia se jerġgħu jibdew mill-bidu, din xorta tibqa’ rebħa importanti għal moviment magħmul minn għaqdiet, Kunsilli Lokali u residenti li mexxa l-oppożizzjoni għal dan il-kuntratt li ddeskrivih "oxxen."

"Aħna se nibqgħu niġġieldu sabiex l-art pubblika ma tinsteraqx mill-privat u sabiex jiġu mħarsa l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tagħna," temm jgħid il-Moviment.

Aqra wkoll:

More in Politika