L-MDA tilmenta dwar il-valur tal-art għall-proġett tal-Corinthia

Tisħaq li l-istima hija ħafna inqas mill-prezzijiet tas-suq

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi lmentat li l-prezz tal-art li fuqha l-Grupp Corinthia qed jippjana żvilupp multi miljunarju kien stmat ħafna inqas mill-prezzijiet tas-suq.

Fl-aħħar jiem sar magħruf li l-Grupp Corinthia, li s-sidt tiegħu hija International Hotel Investments, mistennija tingħata konċessjonijet fuq il-prezz tal-art simili għal dawk mogħtija lill-Grupp DB ftit passi ‘l bogħod.

IHI qed tippjana li b’investiment ta’ €400 miljun tibni kumpless li jinkludi lukanda ta’ sitt stilel, uffiċini u anke residenzi lussużi fiż-żona tal-Bajja ta’ San Ġorġ.

Il-Ministru għat-Turiżmi Konrad Mizzi qal lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament li l-valur tal-art se jkun ikkalkulkat skont il-prezz li Deloitte kienet stabbilit għal bajja.

Il-Membri Parlamentari se jkunu qed jivvutaw fuq reżoluzzjoni parlamentari biex jinbidlu l-kundizzjoniijet li kienu imposti fuq il-Grupp Corinthia biex jużaw l-art mogħtija lilhom b’konċessjoni mill-Gvern għal raġunijiet turistiċi biss.

Intant, fi stqarrija, l-MDA fakkret li l-Assoċjazzjoni ma kinitx qablet mal-estimi ta’ Deloitte dwar il-prezz tal-art għad-DB Group u għalhekk, bl-istess mod, ma taqbilx mal-istima tal-art għall-iżvilupp tal-Grupp Corinthia.

L-MDA insistiet li minn meta Deloitte kienet stmat l-art, il-prezzijiet tas-suq telgħu aktar.

Temmet tgħid li meta l-Gvern ibigħ art pubblika għal residenzi bi prezz inqas mill-prezzijiet tas-suq, dan ikollu impatt negattiv fuq is-suq tal-propjetà u jnaqqar mil-livell ta’ “level playing field” għal dawk kollha li jinvestu fis-suq.

More in Politika