'Masterplan sigriet li qed ibiddel liż-żona f'minjiera tad-deheb għas-sinjuruni'

Il-Moviment Graffitti saħaq li l-proġett propost tal-Corinthia huwa każ ieħor ta' serq ta’ negozjanti kbar mingħand il-poplu

Moviment Graffitti ħeġġeġ lil-forzi soċjali kollha biex jopponu l-ftehim propost tal-Corinthia għax fi kliemu ma jistax ikun li l-ftit ikomplu jisirqu l-pajjiż u jeqirdu l-futur tal-poplu.

Fi stqarrija, l-attivisti saħqu li huma kontra dan dan il-ftehim propost li fi kliemhom se jkun qed jagħti b’rigal biċċa art pubblika lill-Grupp Corinthia għal żvilupp residenzjali u żewġ lukandi.

Minn dak żvelat sa sissa, jidher li b’dan il-ftehim propost, il-Grupp Corinthia se jħallas biss €17-il miljun ewro premium għal biċċa art biex jinbnew appartamenti lussużi għal nies sinjuruni. Ilbieraħ kien irrappurtat ukoll li l-l-Corinthia se tkun qed tibni mhux inqas minn 12-il torri b’500 appartament.

'Masterplan sigriet?'

Fi stqarrija, il-Moviment fakkar fil-Masterplan għaż-żona li baqa’ fuq l-ixkaffa u li għalhekk ma jistax isir studju biex jitkejjel sew l-impatt propju ta’ dan il-proġett.

“Meta tikkonsidra l-lista tal-iżviluppi enormi li qegħdin jiġu approvati f’dawn l-inħawi, flimkien mal-proposti tar-reklamazzjoni tal-art, qed jitneħħa kull dubju li fil-fatt hemm Masterplan sigriet, li ma ġiex mgħoddi mill-proċess demokratiku normali, u li qed jiġi implimentat mill-awtoritajiet Maltin,” saħaq Graffitti. “Dan huwa Masterplan li qed jibdel din iż-żona f’minjiera tad-deheb għas-sinjuruni filwaqt li jinjora kompletament il-kwalità tal-ħajja u l-ħarsien tal-ambjent.”

Dwar l-impatt ambjentali, Graffitti insista li mill-pjanijiet żvelati sa issa, kollox jindika li l-proġett se jkun qed iħalli impatt irreparabbli fuq il-kosta u s-siti tan-Natura 2000. 

'Proġett li se jkompli jidfen lir-residenti'

“Apparti minn hekk se tkompli tidfen ħajjin lir-residenti tal-lokalitajiet tal-madwar bit-traffiku, tniġġis, strorbju u attività kummerċjali intensiva. Il-proġett se jkun ukoll qed jeqred partijiet kbar minn qiegħ il-baħar bir-reklamazzjoni tal-art u jagħlaq l-aċċess għall-pubbliku għal parti sostanzjali tal-kosta,” saħqu l-attivisti.

Temm jisħaq li dan il-ftehim se jkun qed jagħti art pubblika, “riżorsa rari u prezzjuża f’pajjiż ċkejken bħal Malta, għal ħmerija,” u kien għalhekk li ddeskrivih bħala “każ sfaċċat ta’ serq ta’ negozjanti kbar mingħand il-poplu.”

“Din hija l-epitomija tar-regħba u l-inġustizzja, speċjalment meta taraha fil-kuntest Malti ta’ bħalissa fejn ħafna nies qegħdin ibagħtu biex jixtru jew jikru dar,” temm jgħid il-Moviment.

More in Politika