Delia jibgħat messaġġ fil-ħamsa ta' filgħodu jwiegħed 'gwerra' kontra 't-tradituri'

Adrian Delia bagħat il-messaġġ lill-membri tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista

Skont rapporti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, bagħat messaġġ lill-membri tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista li fih 'iddikjara gwerra' kontra dawk li huma kontrih fil-partit stess.

Jidher li dan il-messaġġ spiċċa għand it-Times of Malta wara li Delia allegatament bagħat il-messaġġ fuq WhatsApp fil-5am.

Delia qiegħed jiffaċċja pressjoni biex jirriżenja wara allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika li qed isiru fil-konfront tiegħu minn martu Nickie Vella de Fremeaux u li qed titlob is-separazzjoni minn miegħu.

F’messaġġ pjuttost poetiku, il-Kap Nazzjonalista kiteb: “Ninsabu fi gwerra. Ma baqax dubji. Ħafna se jiġġieldu u se jitilfu jew jirbħu. Oħrajn se jgħebu. Ftit, se jgħixu biex jiġġieldu u jirbħu biex imutu u għalhekk se jgħixu għal dejjem. Iż-żmien wasal. Iż-żmien huwa issa.”

Intant, ilbieraħ, The Sunday Times of Malta, irrappurtat li l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiltaqa’ biex jiddiskuti l-allegazzjonijiet li fl-aħħar jiem tefgħu dell ikrah fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Il-messaġġ ippubblikat minn The Times of Malta
Il-messaġġ ippubblikat minn The Times of Malta

F'kummenti mas-sid Lovin Malta, il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut, li dejjem ħareġ għonqu għal Adrian Delia, insista li dawn l-allegazzjonijiet qed jagħmlu ħsara kbira lill-Partit Nazzjonalista.

Fl-aħħar jiem, f’messaġġ ieħor poetiku fuq Facebook, il-Kap Nazzjonalista tenna li ma għandu l-ebda intenzjoni li jitlaq u anke jekk kien hemm min ma ridux jispiċċa s-sena bħala Kap Nazzjonalista, se jkun qed jarah jippersevera fis-sena l-ġdida.

Intant ilbieraħ, sorsi differenti li tkellmu mal-gazzetta ILLUM sostnew illi s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista bħalissa hija waħda ħażina ħafna b’żewġ sorsi minn tlieta li kellmu lill-ILLUM jikkonfermaw illi qed isiru laqgħat ‘sigrieti’ illi fihom Deputati u uffiċjali tal-partit qed jippjanaw kif Delia se jkun imġiegħel jitneħħa. Sors ieħor ma eskludiex li qed isiru dawn il-laqgħat iżda sostna li hu ma jafx bihom.

Is-sors viċin Adrian Delia filwaqt li kkonferma li għaddejjin dawn il-laqgħat żied jgħid li dawn qed isiru “mill-istess nies tas-soltu”. Imma hu qal li Delia “se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista żgur.”

More in Politika