Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Iridu jqaċċtuh qabel Mejju...imma se 'jibqa' żgur'

Deputat u Kandidat tal-PN jikkofermaw li qed isiru laqgħat ‘sigireti’ biex Delia jkun imġiegħel jitlaq qabel l-elezzjoni tal-MEPs - Il-kandidat jgħid li għal-laqgħat qed jattendu ‘s-soltu nies’ - Biża’ li joħorġu filmati u ritratti oħrajn ta’ Delia, mhux dwar il-familja - Deputat ieħor tal-PN jitkellem mal-ILLUM u jwissi li Delia għad għandu appoġġ kbir

Albert Gauci Cunningham / 6 ta' Jannar 2019 09:00
Il-Kap tal-PN Adrian Delia, bħalissa taħt pressjoni kbira
Sorsi differenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista bħalissa hija waħda ħażina ħafna b’żewġ sorsi minn tlieta li kellmu lill-ILLUM jikkonfermaw illi qed isiru laqgħat ‘sigrieti’ illi fihom Deputati u uffiċjali tal-partit qed jippjanaw kif Delia se jkun imġiegħel jitneħħa. Is-sors l-ieħor m’eskludiex li qed isiru dawn il-laqgħat iżda sostna li hu ma jafx bihom.

Is-sors viċin Adrian Delia filwaqt li kkonferma li għaddejjin dawn il-laqgħat żied jgħid li dawn qed isiru “mill-istess nies tas-soltu”. Imma hu qal li Delia “se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista żgur.”

Waħda mill-persuni li kellmet lil din il-gazzetta u li qiegħda fil-Parlament f’isem il-PN sostniet illi d-diskussjoni f’dawn il-laqgħat hija biex Delia jitneħħa jew jingħata triq onorabbli biex jitlaq qabel u mhux wara l-elezzjoni tal-MEPs li se ssir f’Mejju. Hu indika li jista’ jkun hemm xi żviluppi, saħansitra fil-ġranet li ġejjin.

 “Is-sitwazzjoni hija kkumplikata ħafna. Ma naħsibx li l-partit jista’ jistenna aktar għax is-sitwazzjoni hija urġenti. Sejrin lura flok ’il quddiem bħalissa.”

Id-deputat l-ieħor li tkellem mal-ILLUM qal illi d-deċiżjoni biex jitneħħa Delia tista’ tagħmel ħafna ħsara u taqsam lill-partit. “Ovvjament soluzzjoni trid tinstab żgur. Taqta’ fejn taqta’ se joħroġ id-demm. Trid tinstab dik is-soluzzjoni li tfisser l-inqas dejjem. Tinsiex, Adrian Delia għandu l-appoġġ ta’ ħafna wkoll,” fakkar.

Adrian Delia, fil-Festi tal-Indipendenza ftit wara li kien elett
‘Din il-biċċa tefgħet kollox il-baħar’

L-ewwel deputat iżda sostna li “fil-PN bħalissa hemm taħwid enormi u dan mhux sempliċiment għax separazzjoni. M’hemm xejn ta’ barra minn hawn li xi ħadd jissepara. Imma l-allegazzjonijiet hawnhekk huma gravi,” sostna filwaqt li fakkar illi dak li qalet De Fremaux mhix sempliċiment allegazzjoni, iżda stqarrija ġuramentata.

Spjega kif f’punt minnhom iktar kmieni din is-sena kien instab kompromess fil-PN li minkejja li ma kinux qed jaqblu mal-mod kif qed imexxi l-partit Delia, diversi deputati u uffiċjali tal-PN xorta jimbuttaw il-partit sal-elezzjoni tal-MEPs. Dan biex il-partit jidher magħqud kif ukoll biex dawn id-Deputati nfushom ma jispiċċawx jeħlu huma għal telfa f’Mejju ta’ din is-sena.

“Din il-biċċa xogħol iżda tefgħet kollox il-baħar.”

Dan is-sors sostna illi waħda mill-għażliet hija li Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni hekk kif il-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti juru li m’għandhomx fiduċja fih.

“Din tista’ taqsam lill-partit,” ammetta, qabel kompla jgħid illi l-ideal huwa li Delia jirriżenja minn jeddu. “Hemm minn dawk li huma madwaru li qed jibdew iżerżquhielu illi aħjar iwarrab.”

Huwa sostna li apparti l-filmati li diġà ħarġu u daru u li skontu għamlu ħsara kbira lil Delia u lill-PN, hemm diċċeriji u anke biża’ fil-PN illi se joħorġu aktar dettalji u filmati, dwar aspetti differenti ta’ ħajjet Delia, li din id-darba mhumiex relatati mal-familja.

“Is-sitwazzjoni fil-partit hija fluwida ħafna u jista’ jkun li persuna, uffiċjal jew deputat jew eks uffiċjal, jitkellem fuq is-sitwazzjoni u x-xenarju jinbidel kompletament.”

 

Ħadd ma jaf x’fiha l-borma...noqogħdu attenti’

Id-deputat l-ieħor iżda kien aktar kawt hekk kif fakkar li ħadd ma jaf eżatt x’ġara bejn it-tnejn. “Ħadd ma jaf x’hemm fil-borma ħlief Adrian Delia stess. Wieħed għad irid jara kif se jirreaġixxi għaliha. Ma tantx għadu rreaġixxa wisq. Jekk jitlaqx jekk le, id-deċiżjoni hija f’idejh. Trid tara kif se jirreaġixxi għaliha u x’jaf hu. Ovvjament soluzzjoni trid tinstab żgur u taqta’ fejn taqta’ se joħroġ id-demm. Trid tinstab dik is-soluzzjoni li tfisser l-inqas telf ta’ demm għax tinsiex li Delia għandu l-appoġġ ta’ ħafna wkoll.”

Is-sors li tkellem mal-ILLUM u li huwa qrib Delia farfar mill-akkużi fil-konfront ta’ Delia u qal lil din il-gazzetta li Nickie Vella De Fremaux “għandha problema ta’ saħħa mentali”. Huwa ppunta subgħajh lejn il-midja u speċjalment lejn Manuel Delia għall-ippubblikar ta’ ċerti dettalji.

Nhar il-Ħamis li għadda Kristy Debono bħala President tal-Kunsill Ġenerali flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Midja tal-PN Pierre Portelli ħarġu għonqhom għal Delia. Portelli sostna illi l-akkużi ta’ vjolenza domestika mhuma minnhom xejn, filwaqt li Debono sostniet li għandha tibqa’ tkun irrispettata l-privatezza tal-familja ta’ Delia.

Intant, il-Ġimgħa, Delia taha għal Facebook fejn kiteb messaġġ twil fil-forma poetika illi fiha, fost oħrajn, indika li se jibqa’ Kap tal-PN u li qed jitlob lil Alla biex jagħtih l-abbiltà li jaħfer.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jrid jibqa', imma hemm min irid ineħħieħ
It-tmexxija ta’ Delia sfidata, kontinwament...

Din mhux l-ewwel darba li t-tmexxija ta’ Delia kienet sfidata. F’Ottubru 2017 is-sit illum.com.mt kien żvela kif Delia kien qed jiffaċċja rivolta b’diversi telefonati u proċess sħiħ biex Delia ma jibqax Kap tal-partit. Il-gazzetta Maltatoday kienet żvelat tal-anqas 11-il deputat li kienu lesti jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Adrian Delia.

Delia kellu jiffaċċja wkoll reżistenza meta tressqet mozzjoni dwar leave għal ġenituri li jmorru barra mill-pajjiż biex jgħaddu minn proċessi ta' IVF. Din il-votazzjoni mill-ewwel qanqlet l-oppożizzjoni ta' diversi fil-PN, għalkemm kienet biss Therese Comodini Cachia li qalet pubblikament li kienet se tivvota kontra l-mozzjoni, li kienet sabet id-difiża qawwija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Delia sostna li fuq din ma kienx hemm vot ħieles u allura l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu kien mistenni li jivvota favur il-mozzjoni.  

Apparti dawk li ma setgħux ikunu preżenti minħabba safar jew impenji, id-deputati Nazzjonalisti Karl Gouder, Mario De Marco, Therese Comodini Cachia, Chris Said u Karol Aquilina, għalkemm preżenti waqt id-dibattitu, ma daħlux għall-Plenarja biex jivvutaw fuq mozzjoni tal-PN. Din il-mozzjoni kienet ippreżentata mill-Viċi Kap David Agius u ssekondata mill-Kap tal-PN Adrian Delia.  

Imma l-akbar skoss Delia ħadu meta neħħa lil Simon Busuttil minn Kelliem għall-Governanza u talbu jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari. Delia għamel dan ftit ħin wara li kienu ppubblikati l-konkulużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant li ma sabet ebda konnessjoni bejn din il-kumpanija fil-Panama u Michelle Muscat.

Dakinhar 10 Deputati Parlamentari kienu sfidaw id-deċiżjoni ta’ Delia, pubblikament u appoġġjaw lill-eks Kap tal-PN. Dawn id-Deputati kienu Mario De Marco, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Therese Commodini Cachia, Karl Gouder, Claudio Grech u Ryan Callus.

Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kien saħansitra qal illi jekk irid jibqa’ fil-Parlament Simon Busuttil jista’ jmur mal-Partit Demokratiku.

L-eks Kandidat fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Frank Portelli f’intervista mal-ILLUM kien qal li l-problema mhux Delia iżda dawk li m’aċċettawhx.

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook