'Il-bini tal-iskola medika Barts hija prijorità' - Il-PM lil Steward

Il-PM qal dan waqt laqgħa li kellu maċ-ċermen ta’ Steward Ralph De La Torre u anke mal-President ta’ Steward Health Care International Armin Ernst

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal lil Steward Health Care li għall-Gvern, il-bini tal-iskola medika Barts hija prijorità u kien għalhekk li ħeġġeġ lit-tmexxija biex il-proġett ikun lest malajr kemm jista’ jkun.

Muscat qal dan waqt laqgħa li kellu maċ-ċermen ta’ Steward u l-Kap Eżekuttiv Ralph De La Torre u anke mal-President ta’ Steward Health Care International Armin Ernst.

Steward Health Care ħadet f’idha t-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li Vitals Global Healthcre biegħet il-konċessjoni li kienet rebħet għal 30 sena fl-2015.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru ddeskriva lil Steward bħala l-aħjar għażla meta wieħed jikkunsidra l-esperjenza tagħha f’dan il-qasam waqt li insista li s-servizz tas-saħħa f’Malta se jibqa’ b’xejn.

Min-naħa tiegħu, De La Torre qal li hu jinsab kunfidenti bil-ħidma tal-Gvern u anke wiegħed li Steward se taħdem b’trasparenza.

Il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat kif l-iskola ta’ Barts ma kienet kuntenta xejn bid-dewmien fix-xogħol, kif it-tim tal-IT u tal-kostruzzjoni waqfu jaħdmu fuq il-proġett minħabba nuqqas ta’ ħlas kif ukoll li l-VGH, permezz tal-kumpanija Indjana Shapoorji Pallonji, għad trid tħallas “eluf kbar” lil Gatt Brothers.

More in Politika