Esklussiva | 'Eluf kbar' f'dejn mal-kuntrattur li kien qed jibni l-iskola ta' Barts

  • Il-VGH/Shapoorji għandhom ‘eluf kbar’ x’jagħtu lil Gatt Bros. ta’ Għawdex
  • Il-kuntrattur jikkonferma mal-ILLUM li x-xogħol fuq il-bini ta’ Barts jinsab wieqaf
  • Joe Gatt skjett mal-ILLUM; Garanzija ta’ ħlas inkella ma nkomplux

Gatt Brothers għandhom jieħdu eluf mingpand Shapoorji, l-kumpanija li l-VGH qabbdet biex tieħu ħsieb l-bini
Gatt Brothers għandhom jieħdu eluf mingpand Shapoorji, l-kumpanija li l-VGH qabbdet biex tieħu ħsieb l-bini

 ‘Eluf kbar ta’ ewro... ammonti kbar ħafna ta’ flus.’ Hekk irrisponda lil din il-gazzetta d-Direttur tal-kumpanija Għawdxija Gatt Brothers meta mistoqsi l-Vitals Global Healthcare (VGH) kemm għandhom ituhom għax-xogħol li għamlu s’issa fuq il-proġett ta’ Barts u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-kumpanija Gatt Brothers ta’ Għawdex kienet qed tieħu ħsieb il-kostruzzjoni fuq is-sit tal-Isptar ta’ Għawdex, inkluż il-bini tal-iskola ta’ Barts u kienet mogħtija l-kuntratt biex tagħmel dan ix-xogħol mill-kumpanija Indjana Shapoorji Pallonji. Il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat kif din il-kumpanija flimkien mat-tim minn Ohum Healthcare li kienu qed jaħdmu fuq l-IT waqfu jaħdmu fuq dan il-proġett minħabba li ma kinux qed jitħallsu.

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta d-Direttur tal-kumpanija Għawdxija Joe Gatt ikkonferma li għad għandhom jieħdu lura ‘eluf kbar fi flus għax-xogħol li sar fl-isptarijiet t’Għawdex’.

Mitlub jispeċifika kemm huma midjunin magħhom il-Vitals Global Healthcare, permezz tal-kumpanija Indjana li qabdu (Shapoorji Pallonji) Gatt qal li ma kellux il-karti quddiemu u ma xtaqx jagħti ċifra għalissa. “Nista’ nassigurak biss illi għandhom ituna eluf kbar... ammonti kbar ta’ flus,” sostna Gatt mal-ILLUM li kien ċar u skjett ukoll dwar il-prospett li jerġa’ jibda x-xogħol fuq il-kostruzzjoni tal-isptar, ladarba Steward Healthcare jieħdu l-konċessjoni tal-isptarijiet f’idejhom.

Aħna għalaqna l-kontijiet u għaddejniehom, mill-bqija ma nafu xejn x’inhu jiġri Gatt Bros. (Għawdex)

“Aħna mhux se nkomplu għaddejjin bix-xogħol sakemm isiru diskussjonijiet serji u jkollna ċ-ċertezza u l-garanzija li se nitħallsu. Qabel jiġri dan,” sostna Gatt, “mhu se nagħmlu xejn. Kelb mismut kull ilma jaħsbu misħun.”

Huwa spjega illi l-ħlas jinkludi dak għal xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u piling. Jammetti li għalkemm saru xi ħlasijiet, id-deċiżjoni li jieqfu mix-xogħol ilha ġejja xhur sħaħ. Tant hu hekk li minn disa’ xhur ilu kienu diġà bdew jitfaċċaw l-ewwel problemi, spjega Gatt.

Il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat kif, kemm il-kuntratturi kif ukoll it-tim tal-IT abbandunaw il-proġett minħabba nuqqas ta’ ħlas mill-VGH.

Il-gazzetta oħt Maltatoday kienet żvelat kif il-kumpanija kellha problemi serji finanzjarji u wara li ma rnexxilhiex takkwista self, fosthom mid-Deutche Bank, iddeċidiet li tbigħ il-konċessjoni.

Intant il-kuntrattur ingħaqad ma’ numru ta’ nies oħrajn, fosthom il-ħaddiema fil-maniġment tal-Vitals Global Healthcare stess, li jinsabu kompletament fid-dlam dwar x’inhu jiġri.

“Aħna għalaqna l-kontijiet u għaddejniehom, mill-bqija ma nafu xejn x’inhu jiġri. Nitkellmu ma’ min qabbadna (Shapoorji) imma bħalissa min ġej u min sejjer u ħadd ma jaf x’inhu jiġri eżatt.”

S’issa għadu mhux magħruf kemm ħadet flus il-VGH mingħand il-Gvern f’dawn is-sentejn għalkemm il-kalkoli huma ta’ madwar €60 miljun. Mhux magħruf anqas jekk intalabx rendikont ta’ dak li sar bil-flus mogħtija lil din il-kumpanija.

L-iffirmar tal-ftehim tal-iskola Barts f'Għawdex
L-iffirmar tal-ftehim tal-iskola Barts f'Għawdex

Steward Healthcare kienu Malta, imma kollox mwaħħal

Intant din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll illi l-kumpanija li suppost għandha tieħu l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet, Steward Healthcare, kienet Malta u kellha diskussjonijiet fost l-oħrajn mal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN).

Dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu illi l-MUMN kienet sodisfatta bil-laqgħat illi fihom Armin Ernst, eks Kap Eżekuttiv ta’ VGH u issa ta’ Steward Healthcare, ta’ ċerti garanziji.

Fosthom huwa wiegħed li l-affarijiet f’dak li jirrigwarda l-infermiera se jibqgħu għaddejin kif inhuma bħalissa u li ftehim li kienu saru qabel se jkunu rispettati. Huwa assigura lill-MUMN ukoll illi Steward Healthacare se ssaħħaħ l-Università ta’ Northumbria.

Din il-gazzetta tinsab infuramata illi Ernst qal lill-MUMN li huma lesti biex jieħdu l-konċessjoni, imma kollox għadu mwaħħal minħabba mandat li fetaħ Ashok Ratehalli, wieħed mill-investituri involut ma’ Vitals Global Healthcare. Ratehalli qed jitlob li jitwaqqaf il-bejgħ hekk kif ma ngħatax garanziji li l-ishma tiegħu mhux se jkunu affetwati b’dan it-trasferiment.

Il-VGH qed jipprovaw ibiegħu l-konċessjoni li rebħu 28 sena qabel iż-żmien
Il-VGH qed jipprovaw ibiegħu l-konċessjoni li rebħu 28 sena qabel iż-żmien

 

...Għadhom ma tweġbux

  1. Meta sar jaf eżatt il-Gvern li Vitals iridu jbigħu?
  2. Għalfejn m’għamilx din l-intenzjoni pubblika mill-ewwel?
  3. Il-Ministeru/Ministru u l-Gvern jafu fiċ-ċert min huwa s-sid aħħari (UBO) ta’ Vitals li wara kollox ħadu proprjetà pubblika? Jekk iva, min hu?
  4. Għalfejn il-unjins ma ġewx ikkonsultati malli l-intenzjoni ta’ Vitals kienet ċara?
  5. Kemm ħadu flus Vitals f’dawn il-21 xahar? Intalbu jagħtu rendikont tal-flus li ħadu qabel jitilqu minn Malta?
  6. Veru li biegħna t-tagħmir għal €1 biss? Kif jista’ jkun iġġustifikat dan il-prezz?
  7. Għalfejn il-Gvern ma talabx li jerġa’ jibda l-proċess mill-ġdid fi proċess kompetittiv ta’ għażla?
  8. Meta ġie ffirmat il-kuntratt, bħala membru tal-Gvern u Ministru, kont aċċertat li l-kumpanija VGH kienet f’pożizzjoni finanzjarja li twettaq tali proġett?

More in Politika