Il-Kappillan Dun Marc Andrè Camilleri ta’ Raħal Ġdid ma kienx jaf li qed jiddiskuti l-proġett ma’ persuni li għandhom rekord kriminali, meta beda l-ftehim fuq il-bini u l-manutenzjoni ta’ kafetterija fuq il-bejt tal-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.
Jidher ċar li l-Kappillan ma għamel l-ebda sejħa miftuħa u wisq aktar iċċekkja min kienu l-persuni li kien qed ikellem magħhom.
L-aħbar ta’ kafetterija fuq il-bejt tal-knisja f’Raħal Ġdid ixxokkjat lil ħafna, tant li l-Prim Ministru Robert Abela stess talab li l-proposta terġa’ tkun ikkunsidrata.
Iż-żmien għadda u l-Kurja daħlet f’diskussjonijiet mal-Gvern sabiex tingħata fondi għar-restawr tas-soqfa, il-koppla, u l-portiku.
Iżd’issa, il-gazzetta ILLUM saret taf li fl-istess żmien meta l-Kappillan ħa numru ta’ ġurnalisti fuq tour tal-bejt tal-Knisja, intlemaħ ukoll ċertu Pawlu Debattista.
Debattista ttella’ l-Qorti ħafna drabi, f’diversi kawżi kriminali serji, inkluż li ħebb għal numru ta’ persuni f’inċidenti u snin differenti, inkluż ħames pulizija.
Għaldaqstant huwa sid ta’ kumpanija li sintendi tieħu ħsieb diversi proġetti.
Il-gazzetta staqsiet dwar dan kollu lill-Kapillan Dun Marc Andrè Camilleri, iżda huwa ċaħad li qatt tkellem ma’ Debattista.
Qal li persuna oħra staqsietu l-istess mistoqsija, u minn hemm sar jaf bil-passat ta’ Debattista.
“Smajt bih wara. Qatt ma kellna kuntatt miegħu. Jiena dejjem ma’ Sabrina Debattista tkellimt,” il-Kapillan qal.
Sabrina Debattista hija t-tifla tal-istess Pawlu, bil-Kappillan jikkonferma li ftehim bejnu u bejnha jista’ jwassal biex din tieħu ħsieb l-istruttura, il-manutenzjoni u l-imħażen.
Wara li l-proġett jitlesta, il-kafetterija tibda titmexxa minn persuni oħra li għalissa għadhom ma ġewx magħżula minħabba l-istadju bikri li l-proġett qiegħed fih.
“Irridu naraw x’permessi joħorġu ... ’il quddiem naraw,” il-Kappillan kompla jgħid.
Minkejja li Sabrina Debattista m’għandhiex l-istess numru ta’ akkużi bħal missierha, hija ttellgħet il-Qorti fl-2009, wara li kellha fil-pussess tagħha sustanzi pprojbiti.
Hija nstabet ħatja iżda wara li l-Qorti kkunsidrat l-età tagħha dak iż-żmien u l-fatt li ma kellhiex problema bid-droga, ħelsitha mill-arrest bil-kundizzjoni li ma tikkommettix reat ieħor fi żmien sena.
Sabrina Debattista għandha l-kumpanija privata tagħha. L-operat ta’ din il-kumpanija huwa rreġistrat fl-istess indirizz tal-binja tal-kumpanija ta’ missierha, f’Ħal Luqa.