L-MFSA vverifikat il-kompetenza u l-integrità ta’ Hasheminejad qabel tagħtu l-liċenzja

L-MFSA ma tweġibx dwar jekk l-FIAU ġibditx l-attenzjoni dwar l-operat tal-Bank Pilatus

 

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qalet mal-ILLUM li meta tirċievi applikazzjoni biex istituzzjoni finanzjarja tingħata liċenzja, il-proċess ta’ valutazzjoni, jinkludi wkoll verifiki fuq il-kompetenza u l-integrità tal-persuni kkonċernati, inklużi d-diretturi, l-uffiċjali ewlenin u sidien diretti u indiretti.

Meta l-istess gazzetta talbet lill-MFSA tispjega jekk dan ifissirx li kienet sabet lis-sid tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad, “kompetenti u integru,” kelliem għall-Awtorità wieġeb biss li “fejn l-MFSA tiskopri evidenza ta’ nuqqasijiet, din tieħu l-miżuri neċessarji.”

Hasheminejad għadda mit-test tal-integrità u l-kompetenza hekk kif fl-2014 ingħata l-liċenzja biex jopera l-Bank f’Malta.

L-MFSA insistiet li l-informazzjoni li tiġbor waqt il-proċess tal-verifika tkun ivverifikata ma’ sorsi indipendenti u regolaturi barranin u anke jinkisbu ċertifikazzjonijiet tal-kondotta mill-awtoritajiet kompetenti.

Skont l-istess Awtorità, il-verifiki mhumiex limitati biss għall-informazzjoni minn sorsi pubbliċi iżda “f’ċerti każi,” jinvolvi wkoll il-kummissjonar ta’ Intelligence Reports minn sorsi li huma speċjalizzati.

Is-sid tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad, kien arrestat fl-Istati Uniti fuq sitt akkużi serji u jekk jinstab ħati, jista’ jispiċċa jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu l-ħabs.

Hashmenejad qed jiġi akkużat, fost oħrajn, li pprova jevadi sanzjonijiet tal-Istati Uniti.

Għalkemm l-akkużi ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-Bank Pilatus, Hasheminejad beda l-proċess biex japplika għal-liċenzja tal-Bank f’Malta, fl-istess żmien li kien qed jevadi s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u kien qed ikun investigat mill-Awtoritajiet Amerikani.

L-MFSA f’kuntatt mill-qrib mat-tmexxija tal-Bank...

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-MFSA jekk setgħetx tieħu passi fuq id-diversi allegazzjonijiet li saru f’Malta kontra l-Bank Pilatus.

Fit-tweġiba tagħha, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji saħqet li malli saru l-allegazzjonijiet dwar il-Bank Pilatus, ħadet passi immedjati u bdiet tissorvelja l-bank aktar mill-qrib.

Fost miżuri oħra, l-MFSA insistiet li “kien hemm kuntatt mill-qrib mas-senior management tal-Bank.” Saħqet ukoll li wettqet aġġornament tal-proċess tal-verifika, kienet f’kuntatt ma’ korpi regolatorji barranin u tenniet li saru spezzjonjiet fuq il-post, inkluż “eżami ta’ konformità,” flimkien mal-FIAU.

Madanakollu, l-MFSA ħadet l-ewwel passi kontra l-Bank Pilatus wara li s-sid tal-Bank, Ali Sadr Hasheminejad, kien arrestat fl-Istati Uniti.

Setgħet ħadet passi qabel?

Mistoqsija jekk setgħetx tieħu passi qabel, l-MFSA insistiet li hi, bħal kwalunkwe regolatur tas-servizzi finanzjarji ieħor, ma tistax tieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq allegazzjonijiet jew suspetti biss iżda trid tikseb evidenza soda.

Iżda, meta mistoqsija jekk waqt is-superviżjonijiet tal-Bank Pilatus irriżultatx xi evidenza ta’ attività illegali, l-MFSA wieġbet biss li bħala regolatur tas-servizzi finanzjarji hija marbuta b’kunfidenzjalità stretta u għalhekk ma setgħetx tikkummenta.

Tenniet biss li “wettqet diversi azzjonijiet ta’ sorveljanza biex teżamina u tivverifika aspetti varji tal-operazzjonjiet ta’ dan il-Bank u biex tivverifika jekk hemmx evidenza ta’ xi nuqqas mill-aspett regolatorju.

Spjegat li meta tiskopri evidenza ta’ nuqqasijiet bħal dawn waqt is-sorveljanza li tkun qed tagħmel, “kemm jekk normali kif ukoll jekk straordinarja,” hija għandha s-setgħa li tieħu firxa ta’ miżuri li jinkludu restrizzjonijet fuq in-negozju, fuq it-tmexxija u r-revoka tal-liċenzja.

Qabel l-arrest ta’ Hasheminejad, ma jirriżultax li l-MFSA ħadet xi passi minn dawn fil-konfront tal-Bank Pilatus.

Meta kienet qed tispjega l-proċess li tuża meta tiftaħ investigazzjoni fuq istituzzjoni finanzjarja, l-MFSA saħqet li fost il-passi, twettaq “enhanced due diligence,” fuq l-istituzzjoni, inkluż id-diretturi, il-persuni li jeżerċitaw il-kontroll u anke s-sidien.

Mistoqsija jekk l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus ġibditx l-attenzjoni tagħha dwar suspett jew evidenza li seta’ kellha fuq il-Bank Pilatus, l-MFSA wieġbet li ma tistax tikkummenta fuq id-dettalji ta’ każi individwali.

Insistiet li hi taħdem mill-qrib mal-FIAU, twettaq diversi spezzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus u r-riżultati jkunu disponibbli għall-MFSA. Saħqet li fil-każ tal-Bank Pilatus ma kien hemm l-ebda eċċezzjoni. Fakkret f’dak li qalet fi stqarrija ppubblikata l-ġimgħa li għaddiet li “eżami komprensiv u profond tal-operazzjonijiet ta’ dan il-Bank tnieda xi żmien ilu u għadu għaddej.”

L-MFSA ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi mistoqsijiet oħra ta’ din il-gazzetta, fosthom jekk kienx hemm regolaturi internazzjonali li ġibdulha l-attenzjoni dwar l-operazzjoni tal-Bank Pilatus u filwaqt li ma ċaħditx, saħqet li lanqas ma tista’ twieġeb dwar jekk kienx hemm rapporti jew ilmenti minn klijenti tal-Bank Pilatus.

X’għamel eżatt Hasheminejad?

L-akkuża ddur ma’ żewġ kumpaniji li Hasheminejad ħoloq biex allegatament jgħattu l-fatt li parti mill-flus li kienu deħlin fihom kienu qed imorru għand kumpaniji jew persuni Iranjani, kontra l-liġi tal-Istati Uniti.

Skont prosekuturi Amerikani, il-kumpanija tal-enerġija fil-Veneżwela PDVSA daħlet f’kuntratt ta’ $476 miljun mal-Iranian International Housing Corporation, kumpanija inkorporata fl-Iran minn kumpanija tal-kostruzzjoni Iranjana li hija proprjetà tal-familja ta’ Sadr.

Fl-2010, Hasheminejad u missieru użaw passaporti ta’ St Kitts u Nevis u indirizz f’Dubaj biex jinkorporaw żewġ kumpaniji, Stratus International Contracting fit-Turkija u Clarity Trade and Finance fl-Iżvizzera.

Bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013, saru madwar 15-il pagament, li jammontaw għal $115-il miljun mill-kumpanija PDVSA lil dawn iż-żewġ kumpaniji ta’ Hasheminejad u missieru.

Il-pagamenti saru f’kontijiet li Stratus u Clarity Trade and Finance għandhom f’diversi banek mifruxa.

Ħafna mill-fondi li waslu f’dawn il-kontijiet ġew trasferiti f’kumpanija fil-British Virgin Islands inkorporata minn Hasheminejad u oħrajn.

Skont il-prosekuturi, il-benefiċjarji ta’ dawn il-kumpaniji kienu individwi u entitajiet Iranjani.

Hasheminejad qed ikun akkużat b’konfoffa biex ikun frodat l-Istati Uniti, b’konfoffa biex jikser is-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran mill-Istati Uniti, bi frodi tal-bank, b’konfoffa biex isir frodi tal-bank, b’ħasil tal-flus u b’konfoffa biex isir ħasil ta’ flus.

B’kollox, il-piena massima li jista’ jeħel hija dik ta’ 125 sena ħabs.

Investigat direttur ieħor tal-Bank Pilatus

Din il-ġimgħa sar magħruf ukoll li direttur ieħor mhux eżekuttiv tal-Bank Pilatus, Mustafa Cetinel, ukoll kien investigat dwar l-involviment tiegħu f’din l-iskema.

Minkejja dan, ir-rapport fuq il-Financial Times jisħaq li minkejja l-investigazzjoni, Cetinel ma kienx akkużat.

X’passi ħadet l-MFSA wara l-arrest ta’ Hasheminejad?

L-ewwel passi li l-MFSA ħadet kontra s-sid tal-Bank Pilatus kien dakinhar stess li sar magħruf li Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti.

L-MFSA ma ssospenditx il-liċenzja tal-Bank iżda minflok talbet li Hasheminejad ikun sospiż u jitneħħa minn kull pożizzjoni fil-Bank.

Ordnat ukoll li Hasheminejad ma jitħalliex jagħmel tranżazzjonijiet bankarji u lanqas xi ħadd li indirettament jew direttament għandu konnessjoni miegħu.

Wara li tneħħa Hasheminejad, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell, eks regolatur finanzjarju fl-Istati Uniti, biex jamministra l-assi u t-tmexxija tal-bank.

Pass pass il-Bank Pilatus f’Malta

  • 2012: L-applikazzjoni biex Pilatus jiftaħ u jopera f’Malta
  • 6 ta’ Diċembru 2013: Ir-reġistrazzjoni tal-Pilatus
  • 6 ta’ Awwissu 2015: toħroġ il-liċenzja tal-Bank
  • 2014: il-Bank jingħata t-Trading Licence
  • 20 ta’ April 2017: Daphne Caruana Galizia tikteb dwar safe fil-Bank li “fih hemm dokumenti ta’ klijenti Russi u ta’ Maltin esposti politikament (PEPs) inkluż John Dalli... u Keith Schembri.”
  • L-akbar allegazzjoni ta’ Caruana Galizia: Fl-istess safe hemm dokumenti li juru li Egrant hi ta’ Michelle Mucat
  • Ifeġġ għall-ewwel darba Hasheminejad. Għajnejn Malta fuq il-famuża bagalja.
  • Il-Prim Ministru jiftaħ Inkjesta Maġisterjali waqt li jiċħad l-allegazzjoni ta’ Egrant
  • Il-Bank Pilatus jiftaħ libell kontra Caruana Galizia, fil-Qorti Superjuri ta' Maricopa County, fl-istat tal-Ariżona
  • Titfaċċa Maria Efimova, eks impjegata ta’ Pilatus. Carauana Galizia tgħid li għamlet 3 sigħat tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja
  • Is-sit illum.com.mt jiżvela li Efimova tkeċċiet mill-Bank f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija talli użat fondi mill-bank għal skopijiet privati.
  • Caruana Galizia tgħid li mhux veru li Efimova wettqet frodi u tispjega li din kienet ħadmet għal tliet xhur ma’ Pilatus u qatt ma tħallset.
  • Il-familja Aliyev, li tmexxi l-Ażerbajġan, tissemma fost l-aqwa klijenti ta’ Pilatus
  • Id-Deputat Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU Anthony Buttigieg, jikkonferma li l-Bank jiddependi minn grupp żgħir ta’ klijenti 
  • Skont rapport ta’ MEPs li ġew Malta, John Dalli wkoll seta’ kellu kont f’dan il-Bank.
  • L-eks Kap tal-Oppożizzjoni jallega li Keith Schembri rċieva flus minn Brian Tonna għall-bejgħ tal-passaporti. Kontijiet f’Pilatus fil-qalba tal-allegazzjonijiet.
  • L-MEP Nazzjonalista David Casa talab lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) biex jintervjeni u tiġi revokata l-liċenzja tal-Bank Pilatus.
  • Is-sid tal-Bank arrestat fl-Istati Uniti

More in Politika