Iffriżati l-operazzjonijiet finanzjarji tas-sid u direttur tal-Bank Pilatus

  • L-MFSA titlob li tittieħed azzjoni kontra Hasheminejad, billi jitneħħewlu d-drittijiet kollha li għandu bħala sid u direttur
  • Il-PM Muscat u l-Minstru Scicluna jgħidu li l-Gvern ma jistax jiddeċiedi hu x'tagħmel l-MFSA

L-MFSA għadha kif ippublikat miżuri fid-dawl tal-arrest taċ-ċermen kif ukoll sid u Direttur tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad. L-MFSA mhix se tkun qed tissospendi l-liċenzja tal-Bank Pilatus kif qed titlob l-Oppożizzjoni, iżda minflok qed titlob li 1) jkun sospiż Ali Sadr Hasheminejad u jitneħħa minn kull pożizzjoni li għandu fil-Bank u 2) li ma jħallix illi Hasheminejad jagħmel tranżazzjonijiet bankarji. La hu u lanqas xi ħadd li indirettament jew direttament għandu konnessjoni ma' Hasheminejad. 

Il-Bank Pilatus iżda se jibqa' liċenzjat biex jopera.  

Il-PM Joseph Muscat reġa fakkar li minkejja l-kritika kollha li tista ssir mhuwiex il-Gvern li jieħu deċiżjoni dwar liċenzji ta' banek, imma l-MFSA li hija awtonoma. Huwa qal li l-azzjoni li ttieħdet hija pass il-bogħod mir-revoka. 

"Nieħu pjaċir li meta Simon Busuttil semma n-nies li għandhom kont f'Pilatus ma semmiex lill-marti," qal Muscat għal dak li kien qal l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil mumenti qabel.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna appella għall-prudenza biex ma 'jiċċappsux' dawk l-entitajiet involuti fil-każ imma li dwarhom m'hemmx akkużi diretti, f'dan il-każ il-bank innifsu.  "Isemmew il-banek fi New York u l-Iżvizzera fl-Att tal-akkuża? Le," irrimarka Scicluna hekk kif l-akkużi qed isiru dwar is-sid tal-bank u mhux dwar il-Bank Pilatus innifsu.

Intant huwa assigura li l-FIAU dejjem ikkoperat u hekk se tibqa' tagħmel.  

Qabel: Id-Deputat tal-PN Mario De Marco wieġeb "too little, too late" u sostna li issa wasal iż-żmien li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jġorr ir-responsabilità għax kien taħtu li dan il-bank ingħata liċenzji u kien taħtu wkoll li saru diversi rapporti mill-FIAU dwar il-bank."

L-eks Kap tal-PN Simon Busuttil sostna li l-arrest ifisser li issa hemm tama li ż-żejt se jitla' fil-wiċċ, "u l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn u inutli tfarfu r-responsabilità," sostna Busuttil. "Allajbierek il-politiċi tal-Ażerbajġan, Keith Schembri, Adrian Hillman għandhom kont fil-Bank Pilatus u issa qed jitbissmu....u dawk li messhom għamlu xi ħaġa bħall-Avukat Ġenerali u l-Pulizija m'għamlu xejn għax inħatfu minn Gvern Laburista." 

"Dak li m'għamlux huma imma, għamluh l-Istati Uniti. Meta se tagħlaq il-Bank Pilatus darba għal dejjem? U meta se terfa' r-responsabilità għall-ħsara kbira li ġibtu fuq pajjiżna?" staqsa Busuttil. 

More in Politika