Għollitilha l-kirja b'€150 fix-xahar malli qaltilha li se tapplika għas-sussidju

Hekk kif  għaddejjin ġmielhom il-preparazzjonijiet tal-White Paper dwar is-suq tal-kera, jkomplu joħorġu stejjer ta' abbuż...

Hekk kif il-preparamenti tal-Gvern għaddejjin ġmielhom biex tkun ippublikata l-ewwel White Paper li se tindirizza s-suq tal-kera, qed ikomplu jidħlu aktar stejjer ta' abbuż mis-sistema tas-sussidji fil-konfront ta' diversi inkwilini li qed jikru mingħand il-privat. 

Omm li ħalliet messaġġ fuq grupp partikolari ta' Facebook ilmentat kif bintha marret tapplika għas-sussidju, hekk kif hi u r-raġel ħassew illi l-ispiża ta' €700 fix-xahar qiegħda tkissirhom, finanzjarjament. 

Malli bintha marret għand sid il-kera biex tiffirmalha għas-sussidju, tkompli tirrakonta l-omm, din qaltilha illi ma riditx tiffrima għax inkella kien ikollha tiddikjara d-dħul tagħha minn din il-kirja. Hija kompliet tgħid illi jekk xorta se japplikaw, se taqbad u tgħollihom il-kera b'€150 fix-xahar. 

Sitwazzjoni bħal din mistennija tkun aktar taħt il-lenti hekk kif il-Gvern jikkonkludi u jippublika White Paper li se titratta s-suq tal-kera. 

Din il-kwistjoni ilha ħafna fuq l-aġenda nazzjonali, għalkemm kien artiklu fuq il-gazzetta ILLUM li beda diskussjoni hekk kif Yana Mintoff kienet ipproponiet li jsiru kontrolli fuq kemm tista' togħla l-kera fuq perjodu partikolari

Il-Gvern diġa għamilha ċara illi l-idea ta' kontrolli fuq il-valur tal-kirja mhix is-soluzzjoni, imma il-PM Joseph Muscat sostna bosta drabi wkoll illi l-Gvern lest li jirregolarizza kemm il-darba ż-żidiet fis-sussidju ma jservux ta' għajnuna jew iwasslu biex saħansitra jogħlew il-kirjiet, kiif ġara f'dan il-każ. 

Is-Segretarju parlamentari Roderick Galdes, ammetta waqt il-programm Dissett nhar il-Erbgħa illi f'persentaġġ ta' każi kien hemm sidien illi żiedu l-kirja minħabba li l-inkwilin applika għas-sussidju. 

Matul dawn l-aħħar sentejn il-gazzetta ILLUM ippublikat serje sħiħa ta' artikli u intervisti dwar l-għoli fil-kirjiet privati. Fosthom l-esperjenza ta' Johanna Axisa Mc Rae u anke diversi opinjonijiet esperti dwar is-suġġett. 

Il-kwistjoni tal-kirjiet telgħet fuq nett tal-aġenda tal-Gvern, tant li kienet parti intergrali mid-diskors tal-Ftuħ tal-Parlament

Fl-aħħar artiklu tal-gazzetta ILLUM dwar is-suġġett konna rrapurtajna kif l-għoli fil-kirjiet qed jaffetwa wkoll lil dawk li jaħdmu fis-settur tal-gaming. 

Komplu segwu l-gazzetta ILLUM għal iktar stejjer u tagħrif li titratta din il-kwistjoni. 

 

 

More in Politika