Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Mintoff trid kontrolli fuq il-prezz tal-kera

... imma Muscat jgħidilha li m’hemmx ċans

Albert Gauci Cunningham / 29 ta' Mejju 2016 17:30
Bint l-eks-Prim Ministru Dom Mintoff, Yana Mintoff Bland ressqet mozzjoni f’isem il-Forum Komunità Bormliża, lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali li fiha qed tipproponi li jkunu kkontrollati l-prezzijiet tal-kirjiet kummerċjali. Hi qed tipproponi li l-Gvern jimponi prezz massimu ta’ kemm tista’ tinkera proprjetà. Mal-ILLUM Mintoff spjegat kif bil-proposta tal-Forum, il-prezz ta’ kirja ma jistax jiżdied b’iktar minn 5% tal-medja tal-kirjiet f’dik il-lokalità jew żona.

Dan ifisser li jekk f’żona partikolari l-kirja medja hija ta’ €100 kull xahar (bħala eżempju), sid il-post ma jistax jitlob aktar minn €105. Mintoff qed tipproponi wkoll li dan il-massimu jkun rivedut kull numru ta’ snin.

Il-proposta ta’ Mintoff iżda ma sabitx l-appoġġ tal-Prim Ministru Muscat li, skont Mintoff, f’laqgħa informali li kellu magħha, għarrafha li l-Gvern ma jemminx li għandu jindaħal f’suq ħieles u huwa għalhekk li l-proposta mhux se tkun milqugħa. Mintoff spjegat ukoll kif Muscat qalilha li hu jaqbel biss li l-Gvern għandu jkompli jgħin permezz ta’ sussidji u proġetti soċjali.

‘Il-Gvern m’għandu l-ebda dritt jindaħal fir-rata ta’ kirjiet kummercjali’

F’punt numru tlieta tal-mozzjoni tal-Forum Komunità Bormliża, li l-istess Mintoff tmexxi, hemm propost li fid-dawl “tar-realtajiet fis-suq tal-kirjiet residenzjali fejn ir-rati qed jogħlew b’rata mgħaġġla...il-Forum qed jisħaq li għandu jkun hemm restrizzjonijiet ta’ kemm ir-rati tal-kera jistgħu jogħlew.”

Mistoqsija minn din il-gazzetta jekk il-proposta tagħha tfissirx indħil dirett fis-suq, Mintoff fakkret kif din hija simili għal-liġi li għadda l-parlament nazzjonali Ġermaniż u li ġiet attwata f’Berlin f’Ġunju tas-sena l-oħra, fejn kien impost li l-prezz ta’ kirja ma jistax jiżdied aktar minn 10% tal-kirja medja. Apparti f’Berlin, liġi simili ġiet implimentata wkoll f’Pariġi għalkemm fiż-żewġ każijiet l-aktar rapporti riċenti fuq il-midja juru li, fir-realtà, ħafna qed jinjorawha (aqra iktar ’l isfel).

L-ILLUM għamlet kuntatt ukoll mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar din il-mozzjoni u staqsiet jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra din il-miżura proposta minn Mintoff. Ir-risposta kienet waħda ċara: “Il-Gvern m’għandu l-ebda dritt jindaħal fir-rata ta’ kirjiet kummercjali.”

Apparti minn hekk iżda, kelliem mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fakkar kif il-ġimgħa li ġejja ser issir preżentazzjoni aktar dettaljata lill-Kabinett fejn se jiġi diskuss dan ir-rapport quddiem esperti. Il-Kabinett se jiddiskuti dan ir-rapport fl-intier tiegħu, inkluż modi ta’ kif tiġi provduta akkomodazzjoni xierqa għal min ikollu bżonn.”

Il-liġi qed tiġi injorata fi Franza u l-Ġermanja

F’Ġunju 2015, Berlin kienet l-ewwel belt Ġermaniża li addottat il-limitu fuq il-prezz tal-kirjiet (rent cap), bis-sidien jitħallew jgħollu l-kirjiet tagħhom sa mhux iktar minn 10% tal-kirja medja f’din il-belt. Dan il-limitu kien japplika biss għall-kirjiet antiki u bil-liġi, il-parlament Ġermaniż impona l-istess limitu fuq il-kuntratti ġodda kollha. L-għan tal-liġi ma kienx l-iffiriżar tal-kirjiet imma li l-prezzijiet tal-kirjiet ‘jikkalmaw’. 

Minkejja li l-assoċjazzjonijiet ta’ dawk li qed jikru (tenants) laqgħu l-aħbar b’mod pożittiv, f’rapport li deher fuq diversi siti tal-aħbarijiet kien irraportat kif il-liġi għadha mhux qed taħdem. Minn rapport tal-grupp Amerikan CBRE li jispeċjalizza fil-proprjetà jirriżulta li fil-fatt, il-prezzijiet tal-kirjiet għolew u mhux raħsu wara li kienet introdotta din il-liġi.

Skont Julius Stinauer mill-grupp CBRE il-liġi f’Berlin mhux qed taħdem għax il-metodoliġija ta’ kif instab il-prezz medju ma kienx rapreżentattiv biżżejjed. Apparti minn hekk, hija l-persuna li qed tikri li teħtieġ ittella’ s-sid l-Qorti u ma jiskatta l-ebda mekkaniżmu partikolari f’każ li l-kera tkun ogħla mil-limitu. Dan ifisser li fil-maġġoranza tal-każi, il-liġi qed tiġi injorata u bosta minn dawk li qed jikru qed ikunu lesti jħallsu aktar, jekk l-appartament ikun ta’ kwalità tajba.  

Minkejja li f’Pariġi ddaħħlu numru ta’ każi l-Qorti wara li kienet introdotta liġi simili għal dik li qed tipproponi Mintoff f’Malta u minkejja li kien reġistrat tnaqqis fil-prezzijiet ġenerali tal-kiri, anke hawn, il-liġi qed tkun injorata minn minoranza mdaqqsa ta’ sidien.

Livelli ta’ prattika differenti skont id-distrett f’Pariġi

Skont figuri li ppublikat il-gazzetta Le Monde, l-aktar distretti fejn is-sidien ħallew il-prezzijiet tagħhom taħt il-limitu legali kienu dawk li huma aktar fqar, bħal Goutte D’Or fejn 12.2% biss tal-kirjiet jaqżu l-limitu.

F’distretti oħrajn iżda, li qed jaraw titjib mgħaġġel fl-infrastuttura u li l-aktar qed jattiraw nies mill-klassi tan-nofs, bħal Bois de Vincennes u La Marais, kważi 66% u 61% tal-kirjiet rispettivament huma ogħla mil-limitu impost fil-liġi.

Minkejja dan, dejjem skont l-aġenti MeilleursAgents, it-total ta’ kirjiet ogħla mill-limitu impost f’Pariġi niżel minn 45% għal 29%.

Eqreb għal-linja ta’ ħsieb tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, il-Gvern  Franċiż qed jindirizza l-problema ta’ housing soċjali permezz ta’ proġett fil-qasam soċjali li se jiswa €3 biljuni.

F’pajjiżna l-Gvern qed jippjana li jibda proġett ta’ bini għal housing soċjali fuq 16-il sit madwar il-pajjiż, liema proġett se jiswa €50 miljun b’kollox.

The Economist: Il-kontrolli joqtlu s-suq

Il-magażin The Economist, f’analiżi dwar din il-miżura kien qal li f’għajnejn bosta ekonomisti, miżura bħal dik proposta f’Malta minn Mintoff toqtol l-inċentiva. “Meta l-prezzijiet ikollhom limitu fuqhom ikun hemm inqas inċentiv li s-sid jirranġa l-istess proprjetà qabel jikriha, tonqos ukoll il-ħeġġa ta’ persuni li jibnu jew jixtru proprjetà li tkun se tinkera. Ladarba l-proprjetà disponibbli fis-suq u l-qligħ ikun limitat, ħadd mhu se jinvesti.”

Intant il-Mexxej Laburista Jeremy Corbyn f’intervista mal-Huffington Post ħabbar ukoll li Partit Laburista, jekk ikun elett fil-Gvern fir-Renju Unit jintroduċi l-kontrolli fuq il-prezzjiet tal-kirjiet. Dan ġab reazzjoni mqanqla kontra, bl-opinjonista Tim Warstall fuq artiklu miktub fil-magażin Forbes jgħid li din hija l-agħar tip ta’ miżura ekonomika. Huwa jfakkar li għal xi żmien, ir-Renju Unit kellu sistema ta’ regolarizazzjoni tal-kera, “iżda wara dak iż-żmien spiċċajna mingħajr settur tal-kirjiet privati.”

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook