Muscat jimmira li jaqta’ l-lista tal-‘housing’...li tlaħħaq it-3,000 applikazzjoni

Ħarsa lejn id-Diskors tal-ftuħ tal-Parlament: Il-problema tal-kirjiet għoljin, il-lista ta' nies għand il-Housing, il-faqar u l-għaqda fost il-prijoritajiet ewlenin ta’ Gvern Laburista 

Joseph Muscat u martu Michelle qabel il-ftuħ tal-Parlament ilbieraħ
Joseph Muscat u martu Michelle qabel il-ftuħ tal-Parlament ilbieraħ

Fid-diskors tal-President Marie Louise Coleiro Preca li mmarka l-ftuħ tat-13-il Leġiżlatura kienu bosta l-kwistjonijiet issottolineati, imma b’mod partikolari l-kwistjoni tal-faqar u l-kirjiet privati. Iż-żieda astronomika fil-valur tal-kirjiet privati hija kwistjoni li telgħet fuq nett tal-aġenda politika-soċjali tal-pajjiż fl-aħħar leġiżlatura, b’mod speċjali wara proposti ta’ Yana Mintoff li kienet żvelat il-gazzetta ILLUM stess nhar il-Ħadd 29 ta’ Mejju 2016 għal miżuri li jikkontrollaw il-prezzijiet tal-kirjiet privati.

Fid-diskors tal-President, li kien qed jippreżenta l-viżjoni ta’ Gvern Laburista għall-ħames snin li ġejjin, il-faqar jissemma xejn inqas minn seba’ darbiet u jkun rinforzat bħala wieħed mill-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern fosthom billi jindirizza l-problema ta’ persuni li qed jgħixu f’kirja privata. Fil-fatt l-istess diskors tal-bieraħ afferma l-wegħda Laburista li apparti li jissaħħaħ s-sussidju li diġà qed jingħata, f’din il-leġiżlatura kull kuntratt ta’ kirja għal residenza prinċipali jrid jorbot il-partijiet għal mhux inqas minn tliet snin. 

Il-viżjoni tal-Gvern titfa’ bħala prijorità wkoll il-qtugħ għal kollox tal-lista ta’ stennija għal dawk li qed jistennew housing soċjali. Il-lista ta’ stennija ilha tiżboq it-3,000 applikazzjoni sa mill-2013 u diversi deputati li tkellmu ma’ din il-gazzetta f’dawn l-aħħar sentejn dejjem qalu li l-housing huwa l-aktar ilment komuni li jiltaqgħu miegħu meta jħabbtu l-bibien tan-nies.

Kienet il-gazzetta ILLUM wkoll li lura fl-20 ta’ Marzu 2016 żvelat kif proġett ta’ €50 miljun f’housing soċjali se jkun imqassam fuq 16-il sit madwar il-pajjiż. Il-proġett għadu fi stadju bikri ħafna, b’xi siti jaraw l-ewwel xogħol ta’ tħaffir.

“Il-mira ewlenija skont dan il-programm hi li ma jibqax tifel wieħed jew tifla waħda f’riskju ta’ faqar...għal dan il-għan il-Gvern hu kommess li jżid iċ-childcare allowance b’€100 għal kulħadd u għal dawk il-familji bi dħul baxx iż-żieda tkun  ta’ €200. Kull omm se tirċievi child bonus ta’ €300 kemm jekk twelled kif ukoll jekk tadotta,” saħqet il-President li fid-diskors fakkret ukoll kif il-Gvern f’din il-leġiżlatura wiegħed li se jkun qed jagħti għajnuna diretta sa massimu ta’ €10,000 lil dawk il-ġenituri li jkunu jeħtieġu jsiefru biex jadottaw.

Jekk l-avvanz ekonomiku ma jintużax biex isaħħaħ it-tessut soċjali u jilħaq iktar nies, ftit li xejn ikun jiswa għall-pajjiż u għall-poplu tagħna Mid-diskors tal-President fil-Ftuħ tal-Parlament

Id-diskors għamel aċċenn ukoll għaż-żieda fil-paga minima, liema żieda kienet maqbula ftit jiem qabel kien xolt il-Parlament u saħqet li l-qbil wiesa’ li seħħ u li se jkun qed iwassal għal dawn l-ewwel żidiet fi snin twal, “hu mudell ta’ kif għandhom jitmexxew l-affarijiet f’pajjiżna.”

“Huwa importanti li l-pajjiż javvanza ekonomikament,” saħqet Coleiro Preca, “madankollu jekk l-avvanz ekonomiku ma jintużax biex isaħħaħ it-tessut soċjali u jilħaq iktar nies, ftit li xejn ikun jiswa għall-pajjiż u għall-poplu tagħna.”

Id-diskors tal-President għamel aċċenn qawwi fuq l-għaqda u l-bżonn li “minn issa ’l quddiem niftiehmu li kull ġurnata għandha tkun ġurnata ta’ fejqan.” Għal dan il-għan f’din il-leġiżlatura l-Gvern se jkun qed ilaqqa’ u jaħdem fuq Konvenzjoni Kostituzzjonali bil-għan li timmodernizza l-istituzzjonijiet nazzjonali biex ikunu “aktar aċċessibbli u kontabbli lejn il-poplu,” u bil-għan ukoll illi titwieled “it-Tieni Repubblika msejsa fuq l-għaqda nazzjonali.”

Dan għalhekk se jkun it-tieni attentat lejn dan il-għan, hekk kif l-ewwel attentat falla wara diżgwid bejn il-PN u l-Gvern dwar il-ħatra ta’ Franco Debono biex imexxiha.

“L-ewwel prijorità tal-Gvern għandha tkun li jħares l-għaqda u jaħdem biex jgħaqqad lil pajjiżna wara ġimgħat ta’ kampanja elettorali intensiva u wara xhur sħaħ ta’ dibattitu qalil u ħafna drabi anke distruttiv,” insistiet il-President tar-Repubblika li ġimgħat qabel issejħet l-elezzjoni kellha laqgħat privata, kemm ma’ Simon Busuttil u Joseph Muscat separatament, hekk kif it-temperatura politika kienet bdiet tilħaq livelli allarmanti.

Id-diskors tal-President elenka diversi proġetti u miri li Gvern Laburista wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni u li qed ikunu msemmijin bħala prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin. Fost dawn jissemmew il-proġett tal-mina u l-fast ferry għal ma’ Għawdex, l-Isptar għall-Ommijiet u għall-Ulied u ieħor għall-kura Psikjatrika u l-proġetti tal-Isptarijiet ta’ St Luke’s, Karin Grech u ta’ Għawdex fis-saħħa kif ukoll reviżjoni fil-liġi tal-IVF.

“F’kull proċess demokratiku elettorali l-poplu jingħata l-opportunità li jagħżel sett ta’ prinċipji u programm politiku għal-leġiżlatura li jkun imiss. Irridu nammettu li kull għażla elettorali, minnha nnifisha toħloq linji diviżorji bejn partit u ieħor. Għalhekk l-istess proċess elettorali li hu tant importanti f’demokrazija, sfortunatament iħalli marki ta’ firda li jeħtieġ li flimkien bħala Stat u nazzjon, minn din il-Kamra tar-Rappreżentanti u anke lil hinn minnha naħdmu biex indewwu u nagħlqu l-feriti tal-firda. Pajjiżna,” ikompli jgħid l-istess diskors, “jista’ jimxi verament ’il quddiem bħala poplu wieħed, bl-għaqda u fl-għaqda.” 

More in Politika