L-ingassa tal-kirjiet tkompli tagħfas...issa fuq ħaddiema tal-gaming ukoll

  • Ħafna ħaddiema fil-gaming sfurzati jfittxu kirjiet irħas
  • Anke għal pagi ‘medji’ fil-gaming il-kirjiet qed ikunu ta’ piż,  il-kirja qed tiekol bejn 38% u 66% tal-paga

Minkejja li s-suġġett tal-kirjiet għoljin dejjem tratta każijiet ta’ individwi u familji bi qligħ baxx jew każi soċjali, fil-fatt il-prezz dejjem jogħla tal-kirjiet issa qed jaffettwa wkoll mijiet ta’ impjegati barranin fis-settur tal-gaming f’pajjiżna, b’pagi li huma bil-ferm iktar mill-paga minima lokali.

Persuni li jaħdmu f’dan il-qasam u li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi fost ħafna impjegati, li mhumiex fil-maniġment u li allura għandhom pagi medji, hemm dwejjaq u skuntentizza għall-fatt li l-kirjiet qed jieklu dejjem aktar mill-paga tagħhom.

Impjegat f’kumpanija tal-gaming f’Paceville spjega kif minkejja l-idea ta’ affluwenza fost il-ħaddiema f’dan is-settur, ħafna minn dawk li mhumiex f’livell ta’ maniġment qed jiġu mbuttati ’l barra mil-lokalitajiet bħal Tas-Sliema, San Ġiljan, Paceville, Swieqi u l-madwar biex issa qed jgħixu f’lokalitajiet fejn il-kirjiet għadhom ma laħqux prezz għoli ħafna.

Fil-lokalitajiet msemmija, kirja medja tista’ tibda minn €700/€750 kull xahar u tibqa’ tiela’ saħansitra sa €1,200/€1,300 kull xahar.

Għal ħaddiem fil-qasam tal-Gaming, mhux f’livell ta’ maniġment imma fuq livelli iktar baxxi ta’ kontenut, teknika u Customer Care, dan jista’ jirrapreżenta bejn 38.8% u 41.6% tal-paga jekk il-kirja tkun madwar €700/€750 u tibqa’ tiela’ sa 66.6% u 72.2% f’każ ta’ kirja ta’ €1,200/€1,300. (Dan huwa kalkolu maħdum fuq qligħ ta’ €1,800 fix-xahar wara li taqta’ t-taxxa u bolla).

Ħaddiema tal-gaming qed ifittxu jitilqu minn Tas-Sliema u San Ġiljan

... opinjonijiet differenti dwar l-effett fuq il-kumpaniji li joperaw f’Malta

Ta’ min ifakkar, bħala kuntest, li l-banek kollha Maltin, meta jkunu qed jikkalkulaw kemm se jsellfu flus lil individwu jew koppja għall-proprjetà jikkalkulaw li l-ħlas tas-self ma jaqbiżx iktar mit-30% tal-paga fix-xahar. Dan huwa bil-wisq inqas mill-persentaġġ li l-kirja qed tiekol mill-paga ‘medja’ fil-qasam tal-gaming.

Dan iċ-ċaqlieq drastiku fil-prezzijiet tal-kiri jista’ jispjega żewġ fenomeni. L-ewwel, iż-żieda fid-domanda għall-kirjiet f’lokalitajiet bħas-Swatar, l-Imsida u San Ġwann, li qed twassal biex anke hawnhekk jibdew jgħollu rashom il-prezzijiet tal-kera. U allura sussegwentement iż-żieda fil-kirjiet fi kważi kull rokna tal-pajjiż, għajr għal Għawdex.

It-tieni huwa l-fenomenu ta’ flat sharing, jew li appartament jinqasam bejn tlieta u aktar inkwilini. Dan iwassal ukoll għal żieda fil-prezzijiet.

‘Hawn ħafna garr dwar il-kirjiet bħalissa fost impjegati barranin tal-gaming, li qed ifittxu postijiet oħrajn fejn jgħixu jew inkella nies oħrajn li jaqsmu l-proprjetà magħhom,’ sostniet magħna persuna oħra li taħdem fil-gaming imma li xtaqet tibqa’ anonima.

Mistoqsija jekk tħossx li dan jistax iwassal għal problemi biex il-kumpaniji tal-gaming isibu ħaddiema ġodda u allura biex joperaw, din il-persuna qalet iżda li mhux il-każ.

“Mhux problema għax malajr isibu nies ġodda, li jieħdu post dawk in-nies li ma jibqgħux hawn minħabba li d-dħul tagħhom ikun qed jittiekel wisq mill-prezz tal-kirja.”

Intant din il-kwistjoni spiċċat ukoll fuq is-siti soċjali, fejn kummenti ta’ ħaddiema f’dan is-settur spiċċaw iduru fuq il-paġna grupp Alleanza Kontra l-Faqar.

Persuna li taħdem fil-gaming sostniet illi ħafna kumpaniji qed isibuha diffiċli għax qed tiġri l-kelma li Malta qed issir għolja wisq biex tikri, fl-inħawi fejn persuna taħdem u dak li tista’ tiffranka meta tgħix post ieħor qed jittiekel fi spejjeż ta’ trasport (f’każ ta’ kiri ta’ karozzi) jew inkella ħin tistenna t-trasport, f’każ tal-użu tat-trasport pubbliku.

Il-kwistjoni tal-kirjiet bdiet tielgħa fuq l-aġenda politika ta’ pajjiżna s-sena l-oħra wara li artiklu li deher fuq il-faċċata ta’ din il-gazżetta nhar il-Ħadd 29 ta’ Mejju 2016 dwar proposti minn Yana Mintoff għal kontrolli fil-prezzijiet tal-kirjiet, qajmu reazzjoni negattiva.

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni kienu indikaw mill-ewwel li mhumiex lesti li jappoġġjaw ebda forma ta’ kontroll.

Minkejja dan, din il-gazzetta kienet żvelat ukoll kif il-kwistjoni kienet ittellgħet quddiem il-kabinett qabel il-Baġit tas-sena l-oħra. Fil-Baġit ta’ nhar il-Ħadd li għadda l-Gvern ħabbar li se jkun qed iressaq White Paper dwar il-kirjiet.

Din il-White Paper se tħares primarjament lejn il-bżonn ta’ kuntratt għal kull kirja, li jkun il-kuntratt li jirregola l-kirja u kemm se togħla kif ukoll li tagħmilha aktar faċli biex inkwilin jitkeċċa jekk ma jħallasx jew inkella jekk jagħmel ħsarat fil-proprjetà.

Il-White Paper se tkun qed tipproponi wkoll forma ta’ arbitraġġ fejn ikun hemm kwistjonijiet ta’ depożitu mħallas, li għal xi raġuni ma jingħatax lura wara li tispiċċa l-kirja.

Taqla' paga medja u trid tikri waħdek f'Tas Sliema?...Insieha!
Taqla' paga medja u trid tikri waħdek f'Tas Sliema?...Insieha!

More in Politika