Marlon Attard jikseb il-fidda

It-tiratur Malti kien qiegħed jikkompeti  fil-Kampjonati tal-Ewropa tal-isparar, fil-kompetizzjoni tal-iskeet

Marlon Attard, atleta Għawdxi li kien qed jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati tal-Ewropa fl-isport tal-isparar li saru f’Osijek fil-Kroazja, kellu prestazzjoni mill-aqwa li waslitu għar-rebħ ta’ midalja tal-fidda fl-iskeet.

It-tiratur fetaħ il-kampjonat b’wirja indikattiva tal-potenzjal tiegħu f’din il-kompetizzjoni, hekk kif laqat 74 minn 75 plattina, b’serje ta’ 25, 25 u 24. Fit-tieni serje, hu kompla jibni fuq din il-wirja hekk kif kiseb riżultat ta’ 49 minn 50, b’serje ta’ 25 u 24. B’hekk, huwa avvanza għall-finali b’total ta’ 123 minn 125 plattina.

Fil-finali, Attard kompla jirreġistra punti b’mod konsistenti, hekk kif falla biss erba’ tiri mill-ewwel erba’ serje. Hu temm il-finali b’total ta’ 54 minn 60 plattina, distakk sostanzjali fuq il-45 tat-tiratur Taljan Tammaro Cassandro, li temm il-kompetizzjoni fit-tielet post.

Madankollu, din il-prestazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex jikseb id-deheb, hekk kif it-tiratur Grieg Charalambos Chaliadakis kien f’forma fenomenali li wasslitu sabiex jieħu l-punti massimi, b’60 plattina milquta minn 60. B’hekk, kien il-Grieg li kiseb kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi ta-2024 li se jsiru f’Pariġi.

Il-wisja eċċellenti u r-riżultat finali ta’ Attard huma meqjusin bħala l-iprem suċċess li qatt kiseb tiratur Malti fl-iskeet, partikolarment meta wieħed iqis il-preġju ta’ din il-kompetizzjoni. Dan ir-riżultat żgur mhux forsi se jkompli jqawwilu l-moral li, fil-kompetizzjonijiet li ġejjin, jirnexxielu hu ukoll jikseb kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi tas-sena d-dieħla.

It-tiraturi Liam Sciberras u Clive Farrugia kienu t-tiraturi Maltin l-oħra li kkompetew f’din il-kompetizzjoni. Madankollu, totali ta’ 69 u 71 rispettivament ma kienux biżżejjed sabiex dawn jassiguraw post fil-finali.

More in Lokali