Tmien midalji għall-atleti ta' Pembroke Athleta waqt il-European Kids Athletics Games

Iż-żgħażugħ Jacques Borg jikser rekord fil-kategorija tiegħu darbtejn, fi triqtu lejn 3 midalji individwali u oħra fir-relay

Atleti żgħażagħ mill-klabb Pembroke Athleta impressjonaw immens f’waħda mill-iprem kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa, il-European Kids Athletics Games. Dan hekk kif kisbu tmien midalji: tlieta tad-deheb, tlieta tal-fidda u tnejn tal-bronż.

L-atleta ta’ 13-il sena Jacques Borg kellu prestazzjonijiet mill-aqwa hekk kif rebaħ tliet midalji individwali. Dawn kienu jinkludu midalja tad-deheb fil-150 metru, fejn lesta l-ġirja f’ħin fenomenali ta’ 17.84 sekondi, b’liema ħin naqqax ismu fir-rekords tal-kategorija ta’ taħt l-14-il sena. Ta’ min isemmi li kien diġa kiser ir-rekord hu stess, fil-ġirjiet ta’ kwalifikazzjoni għall-finali.

Hu kiseb ukoll il-fidda kemm fil-long jump kif ukoll fis-60 metru.

Nick Bonett, t’14-il sena, kiseb il-fidda fit-300 metru, b’ħin ta’ 37.08 sekondi, li kien l-aqwa ħin personali għalih.

L-aħwa Kristina Azzopardi u Jamie Azzopardi, ta’ 13 u 11-il sena rispettivament, kisbu l-bronż fil-kategoriji rispettivi tagħhom fis-60 metru.

Iż-żewġ midalji tad-deheb l-oħra ġew fil-kategoriji tal-4x60 metru relay. Tim kompost minn Noah Mulholland, Carl Grech, Jake Borg Pullicino u Jacques Borg rebaħ il-kategorija tas-subien b’ħin ta; 30.79 sekondi. Dan filwaqt li tim compost minn Ella Borg Degiorgio, Elya Azzopardi, Emma Vassallo u Kristina Azzopardi rebħu l-kategorija tagħhom b’ħin ta’ 31.71 sekondi.

Id-delegazzjoni, li kellha waħda mill-iprem prestazzjonijiet minn tim ta’ Atleti Maltin fl-istorja, kienet immexxija mill-kowċis Angie Spiteri u Luca Falzon, flimkien mal-Uffiċċjal tal-Klabb Alan Muscat.

More in Lokali