L-MFA tħabbar tibdil fl-istruttura tal-istaff tekniku

Ivan Woods imexxi l-iskwadra ta’ taħt il-21 sena u Vince Galea bi rwol ġdid fil-futbol tan-nisa, fost oħrajn

L-Assoċċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta (MFA) ħabbret numru ta’ tibdiliet f’kategoriji varji tal-istruttura teknika tagħha. Dawn jinkludu wċuħ ġodda għal futbol Malti, kif ukoll uħud familjari.

Ivan Woods mhuhiex se jibqa kowċ tal-iskwadra ta’ taħt l-17-il sena, iżda minflok se jokkupa l-kariga ta’ kowċ tal-iskwardra ta’ taħt il-21 sena. B’hekk se jieħu post Francesco Macri, li kien qed jokkupa l-kariga b’mod temporanju wara li Gilbert Agius ħalliha vakanti sabiex imur barra għal esperjenza fl-Indoneżja lura f’Novembru tal-2022.

Woods se jkun assistit mill-istess Francesco Macri, kif ukoll minn Herman Bugeja.

Macri se jkun responsabbli wkoll mill-iskwadra ta’ taħt is-17-il sena, assistit minn Stefano Grima, b’Mario Capece nkwarigat mill-goalkeepers.

Fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena, Paul Gatt kien imħabbar bħala s-suċċessur ta’ Toze Mendes, li kien qed imexxi l-iskwadra s’issa. Stefano Grima se jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala assistent, filwaqt li Alex Ramella se jieħu post Andrew Hogg bħala l-kowċ tal-goalkeepers.

L-iskwadra ta’ taħt it-18-il sena, li qabel kienet f’idejn Jonathan Holland, se tkun immexxija minn Facundo Styk.

Piero Panzanaro se jmexxi l-iskwardra ta’ taħt is-16-il sena, filwaqt li jingħaqad mal-istaff tekniku tal-iskwadra tal-kbar, li se tibqa’ immexxija minn Michele Marcolini.

Jonathan Holland se jkun il-kowċ tal-iskwadra ta’ taħt il-15-il sena, assistit minn Adrian Buttiġieġ.

Vince Galea se jkun qed imexxi l-iskwadra ta’ taħt is-17-il sena tan-nisa, assistit mill-eks plejer tat-tim nazzjonali Martina Borg, b’Michelle Zahra inkarigata mill-goalkeepers.

Galea se jokkupa wkoll l-irwol ta’ direttur tekniku, irwol ġdid li għandu jservi sabiex ikun hemm aktar unità u kontinwità bejn il-kategoriji tan-nisa, hekk kif isir f’dawk tal-irġiel.

More in Lokali