Stephen Vaughan Jr. jinħatar President ta’ St. George’s FC

Vaughan jirritorna fil-futbol Malti, din id-darba b’żewġ kundanni kriminali taħt ismu

Titħabbar l-aħbar li l-President il ġdid ta’ St. George’s FC se jkun Stephen Vaughan Jr, filwaqt li jingħad li Jeffrey Farrugia, magħruf bħala l-‘Vinċ’, se jokkupa l-kariga ta’ direttur tekniku

Stephen Vaughan Jr. twieled fis-sena 1985 f’Liverpool. Bejn is-snin 2003 u 2010, huwa kien jilgħab il-futbol, fejn qatta’ l-maġġoranza tal-karriera tiegħu ma’ Chester City, li s-sid tiegħu kien missieru.

Fl-2009, missieru ġie skwalifikat milli jkun direttur ta’ kwalunkwe kumpanija sa Novembru ta’ 2020 wara li nstab ħati ta’ frodi. Kawża t’hekk, kien l-ewwel sid ta’ klabb professjonali li kellu jnaqqas il-porzjoni tas-sjieda tiegħu.

Fis-sena 2010, Vaughan Jr rtira mill-futbol milgħub, wara li kellu korriment serju fl-għaksa.

F’Marzu tal-2011, ta’ 26 sena, Vaughan Jr ammetta għal akkużi ta’ theddid mressqin kontrih u ingħata sentenza ta’ 120 siegħa xogħol fil-komunità. Dan wara li l-pulizija kienet qed tinvestiga disturbanza f’bar, fejn kundistabbli talbu d-dettalji personali. Għal xi raġuni nqala’ ntopp rigward l-indirizz mogħti, u allura l-kundistabbli għażel li jwasslu sad-dar sabiex jikkonferma l-indirizz.

Kien hawnhekk fejn missier Vaughan, li kien fis-sakra, ħebb għall-kundistabbli u kkawżalu ksur fl-għadam ta’ wiċċu. Il-missier ingħata sentenza ta’ 15-il xahar priġunerija.

Stephen Vaughan Jr. daħal fil-futbol Malti f’Jannar tal-2013, meta ġie ppreżentat bħala President ta’ Floriana FC.

Huwa rriżenja minn din il-kariga fl-4 ta’ Frar tal-2014. Fl-2015, Floriana FC ħadu azzjoni legali kontra Vaughan, fejn jgħidu li jafhom madwar €70, 000. Dan għalhiex kien hemm kuntratt bejn il-partiti fejn Vaughan kien marbut li jħallas il-pagi, l-akkomodazzjoni u spejjes oħra marbutin mal-plejers barranin u l-istaff tekniku.

Fis-sena 2015, huwa ġie arrestat taħt akkużi ta’ tfixkil tal-kors tal-ġustizza wara li sellef lil vettura tiegħu lil Timmy Donovan sabiex jaħrab, wara li kien involut f’omiċidju ta’ kundistabbli f’Liverpool. Donovan kien l-għarus t’oħt Vaughan. Fl-2016, hu nstab ħati u ngħata sentenza ta’ 15-il xahar priġunerija.

Minn naħa l-oħra, Jeffrey ‘Il-Vinċ’ Farruġia riċentament inħatar President ta’ Sliema Wanderers fl-2020. Madanakollu, hu rriżenja sitt xhur wara, hekk kif il-klabb beda jonqos milli jonora l-obbligazzjonijiet finanzjarji tiegħu lejn il-plejers.

Din wasslet sabiex Sliema Wanderers sfaw ipprojbiti milli jippartiċipaw fis-suq tat-trasferimenti, hekk kif tilfu tliet każijiet kontra tliet plejers.

L-MFPA ikkummentat li, “Mingħajr is-salarji, dawn il-plejers qiegħdin ibatu biex jitimgħu lilhom infushom u lil familtom.”

More in Lokali