Grinta Gżirjana tikseb riżultat ta’ 2-0 kontra qawwa mil-Lussemburgu

BIL-FILMAT: Zachary Scerri b’gowl tal-istampi

Logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League, bejn Gzira United FC u t-tim mil-Lussemburgu F91 Dudelange, li ntlagħbet fis-Centenary Stadium, ntemmet bl-iskor ta’ 2-0 favur it-tim Malti.

Bdew għal Gzira United: David Cassar; Marcelo Dias, Farid Romero, Thiaguinho, Carlos Chaba; Brooklyn Borg, Zachary Scerri, Andy Borg; Macula, Jackson Mendoza, Wilkson

Bdew għal F91 Dudelange: Didier Desprez; Souleymane Diouf, Vicent Decker, Kino Delorge, Dylan Kuete, Ouassiero; Edis Agovic, Bruno Freire, Oege-Sietse Van Lingen; Samir Hadji, Yahcuroo Roemer

Il-pjan tal-kowċ ta’ Gzira United Darren Abdilla li jilgħab fuq il-kontrattakk ħalla l-frott. Dan għalhiex għalkemm Gzira gawdew biss 36% tal-pussess, irreġistraw ħames xuttijiet fil-lasta, kontra l-erbgħa tal-oppożizzjoni.

L-ewwel gowl ġie fil-54 minuta, hekk kif id-difiża ta’ Dudelange naqset milli tbiegħed il-periklu wara ballun fit-tul minn Marcelo Dias. Il-ballun waqa f’saqajn Macula, li uża l-ħeffa tiegħu biex jagħmel ġirja lejn tarf il-kaxxa, minn fejn il-konklużjoni tiegħu sabet ix-xibka hekk kif Desprez inqabad kemmxejn barra.

Il-logħba kkumplikat ruħha aktar għal Dudelange fis-60 minuta, hekk kif l-attakkant Roemer ġie ammonit għat-tieni darba, u b’hekk ħalla lil sħabu jilgħabu b’10.

Kien fid-79 minuta fejn Gzira rdoppjaw l-iskor. Wara azzjoni maħduma bizzilla mill-Maroons li nkludiet 10 passes konsekuttivi, kross preċiż ta’ Thiaguinho sab lil Scerri fil-kaxxa l-kbira. Mingħajr ma kkontrolla l-ballun, Scerri ta xutt stupend tal-istampi li sab il-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Iż-żewġ timijiet jerġgħu jitaqgħu fil-Lussemburgu nhar l-Erbgħa 2 t’Awwissu, għal partita li se tintlagħab fit-7:30 p.m.

More in Lokali