Balzan f’battalja fil-Belarussja

Wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed kontra oppożizzjoni superjuri

balzan fc
balzan fc

F’logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League bejn Balzan FC u t-tim mill-Belarussja Neman Grodno, li ntlagħbet fil-Belarussja stess, il-logħba ntemmet bl-iskor ta’ 2-0 favur Neman Grodno, li kien it-tim favorit.

Bdew għal Neman Grodno: Konstantin Rudenok; Sergei Karpovich; Ivan Sadovnichiy; Egor Parkhomenko; Yurii Pantia; Roman Paparyga; Alimardon Shukurov; Mikhail Kozlov; Oleg Evdokimov; Pavel Savitskiy; Yegor Zubovich

Bdew għal Balzan FC: Danilo Golovic; Samir Arab; Nikola Braunovic; Momcilo Raso; Ivan Bozovic; Nikola Zerjal; Jake Grech; Paul Fenech; Ryohei Michibuchi; Angel Torres; Peter Olawale

Minkejja li t-tim mill-Belarussja kien il-favorit, Balzan FC jistgħu joħorġu b’rashom mgħollija hekk kif il-wirja li kellhom kienet waħda denja. Il-logħba kienet waħda bbilanċjata, biż-żewġ timijiet igawdu ammont simili ta’ pussess. Iż-żewġ timijiet kellhom seba’ xuttijiet kull wieħed, pero’ wieħed biss minn naħa ta’ Balzan kien lejn il-lasta, kontra l-ħamsa ta’ Neman Grodno.

Aspett li forsi Balzan ma kinux lesti għalih jista’ jkun kien il-fiżikalita’ tal-oppożizzjoni, hekk kif Neman Grodno ikkommetew 21 foul tul id-90 minuta.

L-ewwel gowl ġie fil-54 minuta, b’Savitskiy jegħleb lil Golovic. Għalkemm Balzan komplew jissieltu għal riżultat, konklużjoni ta’ Karpovich fit-85 minuta kienet biżżejjed sabiex jagħlaq il-partita għalkollox.

Iż-żewġ timijiet jerġgħu jitaqgħu f’Malta nhar it-Tlieta l-1 t’Awwissu, għal partita li se tintlagħab fit-8:30 p.m.

Mill-istess kompetizzjoni, illejla Gzira United jilqgħu lit-tim mil-Lussemburgu F91 Dudelange f’Malta għal partita li se tintlagħab fis-7 p.m.

More in Lokali