Mbon-ġu sabiħ fil-Ħamrun wara li jħalluha sat-tard biex jieħdu l-vantaġġ kontra Dinamo Tbilisi

Joseph Mbong jiskurja doppjetta personali hekk kif il-Ħamrun jikbsu rebħa importanti

F’logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Conference League bejn il-Ħamrun u t-tim Ġorġjan Dinamo Tbilisi, li ntlagħbet fil-Grawnd Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, il-Ħamrun ħarġu rebbieħa bl-iskor ta 2-1, bil-gowl tar-rebħa jiġi fid-90+8 minuta.

Bdew għal Ħamrun Spartans: Federico Marchetti; Joseph Mbong; Steve Borg; Emerson Marcelina; Ognjen Bjelicic; Ryan Camenzuli; Elionay; Roko Prsa; Nemanja Krstic; Uros Djuranovic; Seth Paintsil

Bdew għal Dinamo Tbilisi: Giorgi Loria; Aleksandre Kalandadze; Jemal Tabidze; Saba Khvadagiani; Giorgi Maisuradze; Anzor Mekvabishvili; Giorgi Kharaishvili; Ousmane Camara; Imran Omar; Barnes Osei; Davit Skhirladze

F'logħba mmexxija mir-referee Milos Gigovic, l-ewwel taqsima kienet waħda kkumbattuta ferm bejn iż-żewġ timijiet, pero’ l-ebda tim ma rnexxielu jikseb vantaġġ.

L-ewwel gowl ġie fis-60 minuta minn Marusic għal Dinamo Tbilisi, meta wara ballun fit-tul milgħub għal ġol-kaxxa ġie mwaqqa’ minn Tabidze fuq l-istess Marusic, li għeleb għalkollox lil Marchetti. Il-gowl ta’ parita’ ġie fil-81 minuta, b’Prsa jirbaħ freekick fit-tarf tal-kaxxa, wara li ġie mwaqqa’ minn Margvelashvili, li ġie amonit mir-referee. Kien Bjelicic li inkariġa ruhu minnu, b’xutt tajjeb fil-baxxa salvat tajjeb minn Loria, bil-ballun jaqa’ f’saqajn il-plejer tat-tim nazzjonali Malti Mbong, li ma żballjax b’konklużjoni mill-viċin. Hekk kif il-partita dehret mitmuma, reġa kien Mbong l-eroj tat-tim Malti, hekk kif fit-90+8 minuta skurja l-gowl tar-rebħa wara kross eċċezzjonali ta’ Camenzuli, li tefa’ lill-partitarji u l-bankina Ħamruniża f’delirju ta’ ferħ.

Il-Ħamrun jieħdu dan il-vantaġġ magħhom lejn il-Ġorġja għat-tieni logħba, li se tintlagħab fit-3 t’Awwissu, fis-6 p.m. It-timijiet Maltin l-oħra li se jkunu fl-azzjoni f’din il-kompetizzjoni din il-ġimgħa huma Balzan FC u Gzira United.

Intant illum, Balzan FC se jaffaċjaw sfida barra minn darhom kontra t-tim mill-Belarus Neman Grodno, fit-8 p.m.

Gzira United jilqgħu lit-tim mill-Lussemburgu F91 Dudelange f’Malta għal partita li se tintlagħab fis-27 ta’ Lulju fis-7 p.m. 

More in Lokali