Julian Zarb u Mireya Bugeja jirreġistraw l-aqwa prestazzjoni Maltija ta’ kull żmien fil-kategoriji tagħhom

It-tmiem il-ġimgħa li ġej se jkun wieħed ippakkjat bl-atletika, bl-organizzazzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ

L-aħħar Meeting tal-atletika tal-istaġun għaż-żgħażagħ se jibqa’ għal żmien twil fil-memorja ta’ Julian Zarb u Mireya Bugeja, bit-tnejn jirreġistraw l-aqwa prestazzjoni Maltija ta’ kull żmien fil-kategoriji tal-età tagħhom.

Zarb, atleta ta’ La Salle, kiseb ħin ta’ 5:03.20 fil-1,500m steeplechase fost l-Under 16s, biex għeleb l-isfida denja tal-atleti Noah Portelli (Mosta Secondary) u Matthew Curmi (Savio). Ir-rebħa ta’ Bugeja fl-Under 14 kienet spettakolari, fejn ġriet l-1,200 metru f’ħin fantastiku ta’ 3:58.28, u b’hekk kitbet isimha fil-kotba tal-istorja meta għelbet rekord ta’ 11-il sena li kien f’idejn l-atleta ta’ Starmax Nicole Gatt.

Il-programm tal-bieraħ Under 14 u l-Under 12 reġa’ kellu għadd ta’ riżultati pożittivi u eċitanti fost it-tfal u żgħażagħ li huma l-futur tal-atletika Maltija. Għal darb’oħra l-aħwa Thea Grech (La Salle) u ħuha Thomas rebħu tliet kompetizzjonijiet kull wieħed, għas-sodisfazzjon kbir tal-familja tagħhom u l-kowċ metikoluż tagħhom Jeremy Spiteri. 

Thomas rebaħ il-75m hurdles b’ħin tajjeb ta’ 12.79s, qabża ta’ 4.45m fil-long jump u rebħa fil-1,200m b’4.03.20. Thea wkoll rebħet il-long jump b’3.50m, it-300m f’51.36 u s-60m f’9.65.

Elai Borg (U12), atleta ta’ Pembroke, ikkonferma l-potenzjal tiegħu b’doppjetta ta’ 3.83m fil-long jump, 23ċm aktar mill-aversarju u sieħbu tal-istess tim, Jamie Azzopardi. Id-dwell bejniethom kompla fis-60m fejn Borg daħal biss 0.02 sekondi qabel Azzopardi, għal ħin ta’ 9.13 u 9.15 sekonda rispettivament.

Fost it-tfajliet fl-Under 14, it-twins ta’ Starmax, Bianca u Thea Shoemake, komplew iżommu x-xettru ta’ numru ta’ avvenimenti, b’Bianca tirbaħ il-long jump b’4.30m u x-Shot Put b’8.87m, filwaqt li Thea rebħet it-300 metru b’46.00, b’oħtha tispiċċa b’46.29.

It-300m tas-subien fost l-Under 12 ukoll kellha ħin tajjeb ħafna għal din l-età, fejn Jacques Pace (San Anton) rebaħ b’48.14, filwaqt li fost l-Under 14, Luke Fleri rebaħ b’46.72.

It-tmiem il-ġimgħa li ġej se jkun wieħed ippakkjat bl-atletika, bl-organizzazzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-aħħar Challenge fil-Kategorija Open, l-aħħar avveniment qabel l-għeluq tal-istaġun permezz tal-Kampjonat Nazzjonali.

More in Lokali