Swieqi Phoenix Volleyball iniedi proġett sabiex aktar atleti nisa jibqgħu fl-isport

Swieqi Phoenix Volleyball riċentament nieda proġett pilota bħala parti mill-parteċipazzjoni tal-klabb fil-proġett Erasmus+ għall-‘Karrieri Doppji għal Atleti Nisa fil-Volleyball’ (DONA)

Swieqi Phoenix Volleyball riċentament nieda proġett pilota bħala parti mill-parteċipazzjoni tal-klabb fil-proġett Erasmus+ għall-‘Karrieri Doppji għal Atleti Nisa fil-Volleyball’ (DONA). Il-Proġett DONA huwa mmirat lejn 250 atleti nisa tal-volleyball, ta’ bejn it-12 u l-20 sena, ġejjin minn erba' klabbs tal-volleyball minn Malta, l-Italja, Franza u Spanja rispettivament.

L-għanijiet ewlenin ta’ DONA huma li titnaqqas ir-rata ta' tluq tal-atleti nisa mill-isport tal-volleyball u li tipprepara atleti minn età bikrija għall-perjodi varji ta’ tranżizzjoni fil-ħajja, billi tiżviluppa l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa. L-għan aħħari ta’ DONA huwa li jżid in-numru ta' plejers tal-volleyball nisa, billi jinżamm it-talent fil-klabbs u billi jappoġġa l-iżvilupp tal-karriera tagħhom kemm fi ħdan il-volleyball kif ukoll barra dan l-isport. Sadanittant, il-klabbs li qed jipparteċipaw se jagħmlu ħilithom sabiex jagħmlu lill-atleti żgħażagħ u l-familji tagħhom konxji li huwa possibbli li jimmiraw kemm għall-karriera edukattiva kif ukoll għal waħda fl-isport, filwaqt li jgħinuhom isibu l-bilanċ bejn l-isport u l-edukazzjoni, billi jipprovdulhom servizzi ta’ appoġġ meħtieġ.

It-tnedija tal-Proġett DONA f'Malta ħadet il-forma ta’ laqgħa mal-kowċis, maniġers, ġenituri u plejers tal-klabb, kif ukoll mal-kordinaturi tal-proġett, li matulha l-għanijiet, l-implimentazzjoni, u l-monitoraġġ tal-proġett f'Malta ġew spjegati u diskussi.

Meta kkummenta dwar il-parteċipazzjoni tal-klabb f'dan il-proġett, il-President Orlando Bonnici qal li sa mill-bidu tiegħu, "Phoenix Sports Club dejjem enfasizza l-aspetti ta’ żvilupp fil-ħolqien tal-atleti. Dan jinkludi inkoraġġiment attiv u għajnuna lill-plejers żgħażagħ tagħna - u lill-ġenituri tagħhom - sabiex jinsab bilanċ bejn l-impenji relatati mal-istudju u l-isport. Dawn l-isforzi wasslu għal ‘drop-out rates’ relattivament baxxi fil-klabb. Permezz tal-parteċipazzjoni tagħna fil-proġett DONA, aħna qed nimmiraw li nnaqqsu aktar l-għadd ta’ plejers li jitilqu mid-dinja tal-isport minħabba pressjonijiet tul perjodi ta’ tranżizzjoni edukattiva jew fil-ħajja tagħhom”.

Għal aktar informazzjoni dwar Swieqi Phoenix Volleyball, il-Proġett DONA, jew biex wieħed jissieħeb f'wieħed mit-timijiet tan-nursery tal-klabb, żur il-paġna ta’ Facebook tagħhom jew ikteb fuq info@psc.com.mt.

 

More in Lokali