'L-aqwa attakant li lgħabt kontrih? Żgur li Maradona' - Franco Baresi f'Malta

Il-leġġenda ta' Milan jinsab f’pajjiżna sabiex jinawgura l-pitch tal-grawnd ta' San Ġwann FC 

Franco Baresi
Franco Baresi

Leġġenda ta’ A.C. Milan u meqjus bħala wieħed mill-aqwa difensuri li qatt kien hawn fid-dinja tal-futbol. Is-sit illum.com.mt dalgħodu tkellem mal-leġġenda tal-futbol Franco Baresi. 

Mistoqsi fuq l-aqwa attakant li qatt lgħab kontrih, Baresi kien pront biex isemmi’ l-leġġenda Arġentin Diego Armando Maradona. “Lgħabt kontra wħud mill-aqwa attakkanti fl-istorja tal-ballun, però l-aqwa attakant li lgħabt kontrih żgur li kien Maradona."

Staqsejnih ukoll fuq l-isbaħ mument tal-karriera tiegħu, fuq din Baresi qal li għalkemm għandu pataflun ta’ memorji mill-isbaħ fosthom ir-rebħ tal-kampjonat domestiku u ċ-Champions League, l-aktar memorji għal qalbu huma dawk l-ewwel prestazzjonijiet li huwa għamel f’żgħożitu.

Ma’ Baresi tkellimna wkoll dwar x’jaħseb li għandu jsir sabiex it-tim ta’ A.C. Milan jerġa’ jkun qed jikkompeti għall-ogħla titli. Fuq din huwa qal li dan huwa 'proċess', u li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, it-tim attwali qiegħed dejjem jikber fl-esperjenza.

Fuq l-istess nota huwa qal li t-timijiet fl-Italja llum kollha qed issibuha diffiċli biex jikkompetu ma’ kampjonati oħra b’mod speċjali dak tal-Ingilterra, li fi kliemu stess huwa l-kampjonat li  qiegħed jattira ħafna talent internazzjonali u jrendi aktar flus għall-klabbs Ingliżi.

Il-leġġenda ta' Milan jinsab f’pajjiżna sabiex flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, jinawgura l-wiċċ ġdid tal-pitch tal-football ta’ San Ġwann FC b’investiment ta' €100,000 mill-Football Facilities Fund.

Baresi m'għandu bżonn l-ebda introduzzjoni hekk kif huwa meqjus bħala idolu għall-partitarji ta' A.C. Milan u l-futbol Taljan. Fost l-oħrajn, huwa rebaħ tliet darbiet il-UEFA Champions League u sitt darbiet il-kampjonat domestiku. Apparti minn hekk huwa rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1982.

More in Lokali