'Biex ikollok suċċess f'kull tip ta' sport irid ikun hemm is-sagrifiċċju u d-determinazzjoni'

Christian Grech - captain ta' Pietà Hotspurs b'esperjenza wiesa' fil-futbol lokali u b'talent liema bħalu fil-futbol

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet sa minn meta kien għad kelli sitt snin meta wieħed mill-ħbieb li kelli fl-iskola primarja kien qalli biex nibda mmur miegħu għat-taħriġ tal-futbol fin-nursery tal-Pietà Hotspurs .

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Fl-aħħar staġun kważi kull tim kien ta' għadma iebsa għall-avversarju tiegħu. Sakemm ma jkunx hemm differenza kbira, iva naqbel li jkun hemm 14-il tim.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Differenza ħa jkun hemm iva, speċjalment meta jkun hemm timijiet li jifilħu jġibu plejers Maltin jew barranin ta' livell aħjar minn timijiet oħra.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Jekk il-barranin li jiġu jkunu ta' livell tajjeb ħafna, jien naqbel!  

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Mhux ħa ngħidlek li l-maġġoranza imma hemm ftit li l-livell tagħhom ma jkunx aħjar minn dak tal- Maltin.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?

Ifhem, nista ma nkunx kuntent għax fuq dawk li hemm irridu nilagħbu. Il-Grawnd Nazzjonali huwa l-aħjar u l-iktar wieħed  li jattira nies lejh. Is-Centenary Stadium għandu art tajba imma kif ikun ftit riħ għandek logħba kkundizzjonata mill-bidu sal-aħħar. Rigward il-Hibs Stadium, l-art hija tajba wkoll. Jifdal il-Victor tedesco Stadium, li fl-opinjoni tiegħi, mhuwiex grawnd li għandu jintlagħab il-Premier Malti ġo fih.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Naħseb li dejjem kellna kontroll tajjeb f'kull logħba li lgħabna.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Għalkemm ma  nilagħbux f'kampjonat ta' livell għoli ħafna, is-sagrifiċċju xorta jkun qiegħed hemm. Biss biss li tmur għal tmien siegħat xogħol imbagħad wara tmur għat-taħriġ naħseb diġà biżżejjed.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Nipprova nsib bilanċ għat-tnejn li huma li s’sissa dejjem irnexxieli.

Tqis li fil-futur tissejjah mat-tim nazzjonali mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia?

Naħseb li kull player ikollu l-ħolma li xi darba jiġi msejjaħ man-nazzjonal ta' pajjiżu. Jien dejjem nipprova nagħti l-massimu tiegħi f'kull logħba mbagħad nimxi minn hemm.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għalissa sakemm għadni plejer nixtieq li nibqa' plejer regolari u fiż-żmien li ġej, wara l-karriera ta' plejer forsi nimxi lejn il-karriera tal-kowċing.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. 

Biex ikollok suċċess f'kull tip ta' sport irid ikun hemm is-sagrifiċċju u d-determinazzjoni. Emmen fit- talent  li jkollok u tħalli lil ħadd iwaqqfek . Dak is-sagrifiċċju li tkun għamilt xi darba jew oħra ħa jwasslek fit-triq li xi darba tkun ħlomt biha!

More in Lokali