'Trid dejjem turi l-passjoni u l-entużjażmu lejn il-futbol u temmen fik innifsek'

Luca Casha - talent żagħżugħ ta' Vittoriosa Stars u għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika li fil-futur jixtieq jibda jokkupa r-rwol ta' kowċ tal-futbol.

Luca Casha
Luca Casha

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna u b’mod naturali għaliex missieri kien jilgħab il-futbol u għaddieli din il-passjoni. Kien joqgħod miegħi jurini l-logħob tal-futbol, speċjalment fejn kien ikun hemm Ronaldo Nazario, li kien u għadu s'issa l-idolu tiegħi. Kien hawn li proprju missieri ħadni nilgħab man-‘nursery’ tar-Rabat meta kelli biss sitt snin qabel eventwalment mort man-nursery ta’ Floriana.

X’taħseb dwar dak kollu li wrejtu matul l-aħħar staġun bħala Vittoriosa Stars?

Kien staġun b’ħafna tlajja' u nżul fejn għaddejna minn mumenti kemm sbieħ kif ukoll mumenti iżjed diffiċli. Iżda bħala skwadra, konna dejjem magħqudin, pożittivi, niġġieldu għal xulxin u dejjem tajna dak kollu li stajna. Kien hemm ħidma tajba bejn il-plejers, kowċis, u l-kumitat. Infatti, l-atmosfera fid-dressing room dejjem kienet waħda tajba u din kienet tirrifletti fil-grawnd.

Xi kultant, ix-xorti ma daħkitilniex daqshekk u l-affarijiet mhux dejjem ġew kif xtaqna. Infatti, għalaqna l-istaġun billi lgħabna l-‘playoff’ kontra l-Imġarr. Finalment, ħriġna rebbieħa u wrejna l-impenn sħiħ u d-determinazzjoni li wassluna biex inżommu t-tim ta’ Vittoriosa Stars fl-Ewwel Diviżjoni.

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fid-diviżjonijiet Maltin?

Jien inħoss li l-format ta' 14-il tim jagħmel il-kampjonat iżjed varjat. Infatti, tul l-istaġun, tilgħab kontra l-istess tim darbtejn biss u mhux iżjed drabi. Ovvjament, meta żżid l-ammont ta’ timijiet, se jkun hemm xi ftit ta’ differenza bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt, avolja din qed tonqos maż-żmien.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Jekk tħares lejn il-Kampjonat Premier, probabbilment, hemm xi ftit differenza bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ isfel. Iżda ta’ min isemmi li din qed tonqos anke jekk tħares lejn l-istaġun li għadda fejn kellek timijiet min-naħa t'isfel tal-klassifika li rebħu lit-timijiet ta’ fuq. Però diviżjonijiet oħra, speċjalment l-ewwel diviżjoni, dejjem tkun ibbilanċjata u kumbattuta sal-aħħar tal-istaġun. 

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Naħseb li l-kwistjoni mhux partikolarment fuq l-ammont ta' barranin f’kull diviżjoni, iżda li ħafna mid-drabi, il-barranin jieħdu preċedenza awtomatika fuq il-plejers Maltin. Din tista’ twassal għal xi riperkussjonijiet. Nemmen li l-Maltin mhux se jkollhom daqshekk spazju fejn juru t-talenti tagħhom fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Dan se jfisser ukoll li se jintilef l-iskop li nrawmu żgħażagħ fin-nurseries Maltin, li t-tama tagħhom tkun li jilagħbu fil-Kampjonat Premier. Din ukoll tista’ tħalli mpatt negattiv fuq it-tim nazzjonali Malti għaliex se jkollok plejers man-Nazzjonal li ma jilagħbux regolari mal-klabbs tagħhom.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Jiena nemmen li hawn plejers barranin ta’ livell għoli li anki jtejbu l-livell tal-futbol Malti u jgħinu lill-plejers Maltin bi prestazzjonijiet aħjar. Iżda nemmen ukoll li hawn barranin li mhumiex ta’ kwalità għolja u qed jieħdu post plejers Maltin li faċilment jistgħu jilagħbu minflokhom. Hawn ħafna talent Malti iżda għandna bżonn nagħtuhom iżjed spazju u iżjed fiduċja. 

 

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Bħala struttura, nemmen li l-grawnds huma tajbin. Iżda hemm bżonn li ssir iżjed manutenzjoni regolari. Il-ħaxix għandu jixxarrab qabel il-logħba u b’hekk nistgħu nevitaw ħafna ‘injuries’ li qed isofru diversi plejers.

 X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Ir-rwol ta’ referì huwa wieħed ferm diffiċli u spiss nispiċċaw nikkritikaw deċiżjonijiet li jittieħdu. Iżda nemmen li qed jagħmlu xogħol tajjeb.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Futboler irid jitħarreġ b’mod professjonali u b’mod konsistenti matul is-sena kollha u trid tiġi segwita dieta bilanċjata. Fost is-sagrifiċċji li jwasslek tagħmel il-futbol, iħallilek ftit ħin mal-familjari u ħbieb. Trid tippjana ħajtek madwaru u dejjem ser ikun il-prijorità tiegħek. Apparti s-sagrifiċċji li nagħmlu aħna, il-familjari u nies ta’ madwarna jagħmlu wkoll sagrifiċċji kbar għalina.

Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

It-tqassim tal-ħin huwa kollox u trid tkun kapaċi tqassam il-ħin tiegħek tajjeb. Trid toqgħod attent li x-xogħol personali tiegħek ma jħallilekx impatt negattiv fuq il-prestazzjonijiet tiegħek kemm waqt t-taħriġ kif ukoll waqt l-logħob. Finalment, trid tkun kapaċi tagħmel bilanċ tajjeb bejn futbol, xogħol, u ħajja personali. Din hija l-ikbar sfida li ħafna plejers Maltin li jaħdmu xogħol ieħor jaffaċċjaw.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq inkompli ntejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi minn staġun għall-ieħor u nilħaq livelli aktar għoljin. Nixtieq li anki nirbaħ xi promozzjoni mal-klabb tiegħi. Finalment jogħġobni ħafna r-rwol ta’ kowċ u għalhekk fil-futur nixtieq nieħu dan ir-rwol li jirrifletti wkoll ix-xogħol tiegħi ta’ għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.

L-iżjed ħaġa importanti hi li wieħed għandu dejjem jilgħab il-futbol b’mod professjonali u onest. Trid tkun dejjem motivat, dixxiplinat u determinat. Trid tifhem li t-tim jiġi l-ewwel u qabel kollox. Finalment trid dejjem turi l passjoni u l-entużjażmu lejn dan l-isport u temmen fik innifsek.

More in Lokali