'Kienu mumenti sbieħ ħafna u riżultat ta’ ħafna sigħat ta’ xogħol mill-familja tal-Luxol'

Andy Mangion - fost l-aqwa plejers li pproduċa l-futsal lokali f'dawn l-aħħar snin u li kien xprun ewlieni biex Luxol Futsal matul l-aħħar staġun kisbu d-Double permezz tar-rebħ tal-Kampjonat u tan-Knock-Out.

Andy Mangion
Andy Mangion

Andy Mangion huwa wieħed mill-aqwa plejers li pproduċa l-futsal lokali f'dawn l-aħħar snin.Kien xprun ewlieni biex Luxol Futsal matul l-aħħar staġun kisbu d-Double permezz tar-rebħ tal-Kampjonat u tan-Knock-Out. Huwa beda jilgħab il-futsal ma' Todos lura fl-2011.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

L-istorja tiegħi fil-Futsal bdiet fl-2011 ma’ Todos; bħalma jiġri f’ħafna każijiet kont ġej mil-logħba tal-futbol fejn kont għadni kif temmejt staġun fit-tieni diviżjoni ma’ San Ġwann. Inkun onest u ngħid li fuq il-futsal kont naf ftit jew kważi xejn; anzi kelli perċezzjoni żbaljata fuq il-logħba. Kien Leandros Calleja li kellimni u ħajjarni ninżel għal sessjoni ta’ taħriġ biex nipprova u għalkemm fil-bidu kont ftit xettiku, malajr bdejt nidra l-logħba u nħossni kunfidenti. Kien staġun memorabbli għax konna grupp tajjeb ħafna u akkwistajna l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni mingħajr telfa. Minn hemm ’il quddiem kelli l-opportunità naħdem ma’ diversi kowċis bravi u anke plejers li lagħbu f’uħud mill-ikbar kompetizzjonijiet tal-futsal internazzjonali li kollha għallmuni u għenuni dejjem ntejjeb l-għarfien tiegħi tal-logħba.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt - x'tikkummenta fuq ir-rebħ tal-Kampjonat u tan-Knoċk-Out minn Luxol Futsal ftit tal-ġimgħat ilu?

Kienu mumenti sbieħ ħafna u riżultat ta’ ħafna sigħat ta’ xogħol u dedikazzjoni minn grupp ta’ plejers, kowċis u kumitat li jiffurmaw il-familja tal-Luxol. Nemmen illi kien riżultat assolutament meritat għaliex matul dawn il-finali nħoss li dejjem kellna il-kontroll assolut tas-sitwazzjoni u kull logħba ntrebħet b’marġni ta’ skor komdu. Il-fatt li fil-ħames logħbiet li lgħabna kontra Valletta fl-aħħar tal-istaġun irnexxielna niskurjaw 32 gowl kontra l-11 li qlajna huwa xhieda ta’ dan. Madanakollu nemmen illi bejn iż-żewġ timijiet kienu logħbiet li taw ħafna spettaklu u li ntlagħbu fi spirtu sportiv u dan kien riklam sabiħ għall-futsal lokali.

Ma kienx staġun faċli għalina għaliex wara d-diżappunt tas-sena l-oħra kellna nxammru l-kmiem u naraw x’nistgħu nirranġaw, apparti minn hekk inbidel il-kowċ u wieħed ikun irid jaddatta għas-sistemi ġodda. Għaldaqstant ir-rebħ tad-double ta’ ftit gimgħat ilu kien ta’ sodisfazzjon kbir.

Kemm tħoss illi l-MFA qed tagħmel biżżejjed sabiex il-futsal jiżviluppa f’pajjiżna?

Il-kelma ‘biżżejjed’ hija waħda diffiċli, għaliex wieħed dejjem jista’ jagħmel iktar u aħjar. Jiddependi ħafna wkoll fejn wieħed jaspira li jasal; u naħseb illi kull min hu involut fix-xena tal-futsal lokali jaqbel li għad hemm lok għal iktar avvanz. Però riċentement l-MFA ħadet l-amministrazzjoni tal-kompetizzjonijiet fi ħdanha u dan kien sinjal li riedet tinvesti iktar fl-isport għall-fatt li setgħet tiddedika iktar riżorsi li għandha fid-dispożizzjoni tagħha. Fost l-oħrajn naf li kien hemm inizzjattivi sabiex jitressqu iktar tfal lejn il-logħba tal-futsal u jiffamiljarizzaw ruħhom magħha; kif ukoll tħejja pjan daqsxejn iktar strutturat dwar kif kellu jevolvi l-kampjonat prinċipali. L-opinjoni personali tiegħi hi li għad irid ikun hemm bidla fil-kultura ta’ ħafna nies involuti fil-futbol sabiex jifhmu li l-futsal huwa komplimentari għal-logħba tal-futbol u li għandu jkun imdaħħal bħala parti integrali fl-iżvilupp tal-plejers meta jkunu żgħar. Naħseb ukoll li l-klabbs tal-futbol jistgħu jkunu inċentivati iktar biex ikollhom it-tim tal-futsal tagħhom għaliex bħalissa għal raġuni jew oħra, huma ftit il-klabbs li jagħmlu dan.

Kemm inti kuntent fil-post fejn tilagħbu l-futsal jiġifieri l-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u anki fl-Iskola Nazzjonali  tal-Isport?

Fuq dan l-aspett nista’ nikkummenta mill-punt di vista ta’ plejer u bħala plejers l-iktar affarijiet li jaffettwawna huma: il-kwalità tal-art li nilagħbu fuqha u l-faċilitajiet bħad-dressing rooms. Minn dawn l-aspetti fl-Iskola Nazzjonali hemm vantaġġ kbir għaliex il-binja u l-faċilitajiet huma prattikament ġodda. Rigward l-art wieħed irid jikkunsidra żewġ affarijiet; l-ewwel nett l-impatt li din tħalli fuq il-livell ta’ logħob li l-plejers jistgħu jesprimu. Il-futsal hija logħba ferm veloċi li tirrikjedi bdil ta’ direzzjoni fi spazju żgħir il-ħin kollu, kontroll tal-ballun preċiż u veloċità fil-moviment tal-ballun; jekk l-art ma ttikx ċertu garanziji bħala plejer, it-temp tal-logħba se jonqos u magħha tonqos l-ispettakolarità. Din is-sena kellna ċ-ċans li nilagħbu ftit logħbiet tal-kampjonat kif ukoll xi friendlies internazzjonali fl-iskola Nazzjonli minflok f’Kordin u f’dawn l-okkażjonijiet wieħed jinnota din id-differenza b’mod ċar. 

It-tieni konsiderazzjoni li trid issir hija kif din taffettwa s-saħħa tal-plejers; l-injuries huma parti mill-isport però jekk il-kundizzjoni tal-pitch ma tkunx tajba, ir-riskji jiżdiedu ħafna. Fil-passat riċenti kien hemm diversi episodji fejn plejers sofrew injuries serji u fit-tul u wieħed mill-fatturi kienet art li tkun tweħħel. Apparti minn hekk, it-tipi ta’ wċuħ li nilagħbu fuqhom għandhom limitu ta’ kemm jistgħu jospitaw logħob qabel ma jkollhom jinbidlu anke għaliex il-cushioning tagħhom jispiċċa maż-żmien u anke dan huwa sors ta’ injuries. L-opinjoni personali tiegħi hi li fil-każ ta’ Kordin kemm l-art kif ukoll id-dressing rooms m’humiex tal-livell mixtieq.

Xi tgħidli dwar is-sigurtà li teżisti bħalissa fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin?

Bil-mod kif inhu; huwa faċli biex il-partitarji jinżlu fil-pitch ħdejn il-plejers kif fil-fatt ġara waqt waħda mill-finali ta’ din is-sena fejn saħansitra plejer intlaqat minn xutt f’wiċċu. Ir-realtà hi li maż-żmien żdiedet l-organizzazzjoi anke ta’ kif il-partitarji ikunu mqassmin u sar ikun henn iktar pulizija, madanakollu l-mument li jkun hemm logħba taħraq u attendenza numeruża tkun biċċa xogħol pjuttost ikkumplikata għall-pulizija u għall-membri tas-sigurtà biex iżommu l-ordni jekk jinqala’ xi inkwiet. Partikolarment ta’ min jinnota li wieħed mill-bankijiet tas-sostituti dejjem ikollu l-partitarji tat-tim oppost eżatt warajh.

Kif qed tħares lejn l-avventura Ewropea fil-UEFA Futsal champions League ftit tal-ġimgħat oħra?

Il-UEFA Futsal champions League hija kompetizzjoni prestiġġjuża ħafna u li dan l-aħħar qed iġġib sodisfazzjon kbir lejn il-futsal lokali. Għal dawn l-aħħar sentejn it-timijiet Maltin irnexxielhom jikkwalifikaw mir-round preliminari biex għaddew għar-round prinċipali fejn jibqa’ l-aħħar 32 tim u anke hawnhekk kien hemm prestazzjonijiet tajbin. Għaldaqstant għalkemm għad trid titla’ l-polza naħseb illi t-tama ta’ kulħadd hija li ntejbu fuq ir-riżultati li ksibna fil-passat riċenti. Fl-istess ħin hija esperjenza eċitanti ħafna għal kull min hu involut fil-klabb ta’ Luxol għaliex wieħed jista’ jikkompeti ma’ timijiet ta’ livell għoli.

X'tikkummenta fuq il-kumitat ta' Luxol immexxi miċ-chairman Joseph Aquilina u mill-president Mario Vella?

Nieħu l-opportunità biex nirringrazzjahom pubblikament ta’ kulma jagħmlu magħna l-plejers u ta’ kemm jaħdmu għall-ġid tal-klabb ta’ Luxol u tal-Futsal lokali. Jekk wieħed iħares lejn l-istruttura tal-klabb u l-mod kif jitmexxa, wieħed jista’ japprezza l-livell ta’ professjonalita’ apparti d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies. Mario u Joe jagħmlu sforzi kbar biex jaċċertaw li t-tim ikollu kulma għandu bżonn biex jiffunzjona bl-aħjar mod u warajhom hemm kumitat, staff tekniku u lista ta’ nies twila mhux ħażin li kollha għandhom irwol speċifiku importanti biex it-tim jilħaq l-għanijiet tiegħu.

U fuq il-kowċ Gabriel Dobre?

Kliem ta’ tifħir biss; kowċ bravu, iddedikat u b’mentalità tajba li nemmen kien strumentali għalina biex wasalna fejn wasalna f’dan l-istaġun; flimkien mal-assistent Cope li ħadmu ħafna mill-ewwel sessjonijiet ta’ taħriġ u ppreparajna fid-dettall għal kull sitwazzjoni li stajna nsibu ruħna fiha. Meta fil-bidu tal-istaġun sirt naf li Gabi kien ser ikun il-kowċ il-ġdid tagħna lqajt l-aħbar bi pjaċir għaliex kont naf l-esperjenza li kien se jġib miegħu apparti li sħabi li kienu ħadmu miegħu fil-passat kollha kellhom kummenti pożittivi. Waħda mill-affarijiet li laqtitni kienet il-mod kif ħadem fil-konfront tal-grupp tal-plejers Maltin fl-iskwadra għaliex għamilna ħafna xogħol biex nieħdu iktar inizjattiva fil-pitch u b’hekk innaqqsu d-dipendenza fuq il-plejers barranin li bl-esperjenza u bil-kwalita’ tagħhom dejjem jagħmlu d-differenza. Naħseb illi dan irrifletta wkoll b’mod pożittiv fil-prestazzjonijiet tagħna mat-tim nazzjonali.

X'tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali tal-futsal?

Nemmen illi kien riżultat assolutament meritat għaliex matul dawn il-finali nħoss li dejjem kellna l-kontroll assolut tas-sitwazzjoni u kull logħba intrebħet b’marġni ta’ skor komdu Andy Mangion

Bħal kull tifel li jħobb il-futbol, il-ħolma tiegħi meta kont żgħir kienet dejjem li xi darba nilbes il-flokk tat-tim nazzjonali u dan il-ħsieb jgħaddili minn moħħi kull darba li jkolli l-unur li nirrappreżenta lil pajjiżi. Naħseb li iktar ma qed jgħaddi ż-żmien il-livell tat-tim nazzjonali qiegħed dejjem jiżdied u prinċiparjament naħseb li dan huwa riżultat taż-żieda fil-livell ta’ ċerti logħbiet lokali u għall-fatt li ħafna minnha għandna l-fortuna li nittrenjaw ma’ plejers barranin ta’ kwalita’ fil-klabbs tagħna. Fatt ieħor huwa li hemm grupp ta’ plejers magħqud li issa bnejna ftit tal-esperjenza flimkien. Sfortunatament fl-aħħar logħbiet għall-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja l-polza ma daħkitilna xejn għaliex ġejna fi grupp ferm iebes mal-Iżvezja, il-Belġju u l-Armenja u għal darba oħra erġajna fallejna fit-tentattiv li niġbru xi punti f’logħbiet kompetittivi. Madanakollu kellna prestazzjonijiet tajbin f’dan l-istaġun u anke xi riżultati pożittivi f’logħob ta’ ħbiberija. 

U fuq il-kowċ Vic Hermans?

Din is-sena kienet it-tieni darba li kelli l-opportunità naħdem mal-kowċ Vic wara li kien hu li tani d-debutt tiegħi mat-tim nazzjonali tmien snin ilu. Huwa kowċ li għandu esperjenza vasta ħafna fil-futsal u huwa isem rinomat fix-xena internazzjonali fejn saħansitra mexxa tim ft-Tazza tad-Dinja riċenti. Għalina dan l-istaġun kien importanti li jerġa’ jkollna logħob ieħor internazzjonali wara li konna neqsin għal iktar minn sena u nofs u kienet nota pożittiva li l-kowċ Vic flimkien mal-MFA organizzaw ammont ta’ friendlies mal-Olanda u l-Irlanda ta’ Fuq bi preparazzjoni għal-logħob kompetittiv. Kif diġà spjegajt, it-tamiet tagħna fil-grupp mal-Iżvezja u l-Belġju kienu baxxi ħafna; però naħseb li wieħed mill-punti pożittivi li rnexxielu jikseb il-kowċ kienet li ġew introdotti wċuħ ġodda u plejers żgħażagħ li rrispondew b’mod pożittiv bil-prestazzjonijiet tagħhom. Dan kien importanti għaliex iktar ma jmur l-età medja tat-tim dejjem qiegħda dejjem togħla u fl-aħħar mill-aħħar l-ebda plejer mhu għal dejjem.

Kemm tħoss li huwa importanti l-isport fil-ħajja tal-bniedem?

Ma kienx staġun faċli għalina għaliex wara d-diżappunt tas-sena l-oħra kellna nxammru l-kmiem u naraw x’nistgħu nirranġaw Andy Mangion

Naħseb li huwa importanti immens għal diversi raġunijiet. Normalment l-ewwel ħaġa li wieħed tiġih f’moħħu huwa l-aspett fiżiku għaliex permezz tal-isport wieħed kapaċi jżomm attiv u f’saħħtu u dan huwa importanti ħafna; però mhux biss. L-isport huwa għodda utli ferm fil-formazzjoni tal-karattru u l-personalità ta’ persuna minn età żgħira. Dan għaliex f’ambjent ta’ pjaċir wieħed jista’ jittrażmetti u jwassal valuri importanti għall-ħajja bħal-lealtà, dixxiplina, ħbiberija, kompetittività u spirtu ta’ sagrifiċċju. Apparti minn hekk; anke meta wieħed jikber, l-isport jibqa’ jkun żvog kemm enerġetiku u kif ukoll ta’ kreattività li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum il-ġurnata huma importanti ħafna biex jgħinuna nsibu bilanċ.

More in Lokali