'Hija xi ħaġa sabiħa li klabb bħal Birkirkara juri interess fik'

Nicky Vella - fost l-aqwa goalkeepers li pproduċa l-futbol Malti f'dawn l-aħħar snin u li riċentament għadu kemm ingħaqad ma' Birkirkara FC, fejn se jkun qed jagħmel minn kollox biex jikseb post titolari bejn il-lasti tal-Istripes.

Nicky Vella
Nicky Vella

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bħal kull tifel ieħor meta tkun żgħir tmur fejn imorru sħabek u jien għamilt l-istess - kuġin tiegħi ħajjarni u mort miegħu.

U għaliex għażilt proprju l-irwol ta' goalkeeper?

Ma kinitx l-ewwel għażla tiegħi hekk kif jien bdejt bħala plejer u bdilt l-irwol fl-età ta' 15-il sena.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma' Birkirkara FC?

Hija xi ħaġa sabiħa li klabb bħal Birkirkara juri interess fik. Irrid naħdem biex nieħu posti għax kulħadd jaf li hemm goalkeeper ieħor ta' livell għoli.

X'tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma' Valletta?

Ifhem, hemm żewġ naħat tal-munita - min-naħa Valletta hemm mentalità li ma tistax lanqas tieħu draw aħseb u ara titlef jiġifieri minn dak il-lat tista' tgħid li trabbejt f'ambjent b'mentalità rebbieħa u f'ambjent organizzat u forsi naqra iktar professjonali. Imbagħad min-naħa l-oħra fuq futbol milgħub tista' tgħid li kont naqra inqas fortunat hekk kif fil-verità ma kontx kuntent imma fuq kollox tista' tgħid li tgħallimt ħafna u ħadt ħafna minn tim mimli plejers ta' livell għoli. 

Kemm tgħallimt minn din l-esperjenza?

Tgħallimt ħafna. It-tim tal-Valletta huwa mimli bi plejers ta' livell għoli u kowċing staff tajjeb. Hemm ħafna affarijiet li ħadt mill-Belt li jiswewni ħafna meta mbagħad ingħaqadt ma' tim ieħor.

X'tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma' Pietà Hotspurs?

Esperjenza sabiħa. Mal-Pietà hemm ħafna elementi żgħażagħ li qed jagħtu l-frott mixtieq minnhom - plejers mimlija entużjażmu li jridu jilagħbu. 

U fuq l-eks kowċ Ramon Zammit u l-president Mario Mallia?

Ifhem, it-tnejn li huma, huma nies professjonali - persuni li jqisu l-affarijiet kollha qabel jiddeċiedu u jagħmlu l-affarijiet.

X'emozzjoni tħoss kull darba li tilgħab kontra l-eks tim tiegħek Valletta?

Xejn ta' barra minn hawn. Hija logħba bħall-oħrajn b'naqra iktar importanza personali.

Taqbel mal-format ta’ 14-il tim fil-Premier?

Le - wisq timijiet għal pajjiż żgħir.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Xi ftit jew wisq differenza hemm żgur u l-klassifika turik dan.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f'tim?

Iva, la darba lill-Maltin jiftħulna s-suq tagħna wkoll.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Iva, hemm ċerti ċirkostanzi li l-Maltin nibqgħu xorta l-protagonisti fit-timijiet rispettivi tagħna. 

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier?

Mhux ħażin. Ħa neħodha fuqna matul l-aħħar staġun. L-ogħla livell tal-futbol Malti għandu jintlagħab fuq il-ħaxix naturali, jiġifieri li tilgħab biss seba' logħbiet fi staġun fuq dan it-tip ta' ħaxix għalija mhux aċċettabli.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Hekk u hekk - mhux kollha kienu tal-livell mixtieq!

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Trid tagħmel ħafna sagrifiċċji biex tlaħħaq speċjalment mal-barranin peress li aħna l-Maltin naħdmu wkoll. Biex tiekol tajjeb u tistrieħ kif suppost huwa iktar diffiċli għalina l-Maltin. 

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Ikollok hux jekk trid tkompli. Fl-aħħar staġun, kien naqra iktar faċli għalija għax il-ħin tat-taħriġ kien naqra iktar tard mis-snin ta' qabel. Qabel kont indawwar il-ħinijiet tax-xogħol ma' dawk tal-futbol.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

B'ottimiżmu hekk kif wara diversi staġuni nieqes ħafna mil-logħob u ma stajtx nuri dak li stajt noffri, sa mill-aħħar staġun ma' Pietà Hotspurs, erġajt bdejt nilgħab b'mod regolari.

M'hemmx dubju li l-pass li jmiss tiegħek huwa li tilgħab mat-tim nazzjonali mmexxi mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia. X'taħseb?

Hija xi ħaġa sabiħa li tirrapreżenta lil pajjiżek u jkun ta' unur li kieku jkollu jasal dak il-mument. Jien dejjem naħdem fost il-ġimgħa biex fil-weekend, inkun nista' nagħti l-aqwa tiegħi u nkun fl-aħjar forma possibbli. Imbagħad li jiġri wara m'għandix kontroll fuqu!

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. 

Ifhem, fl-isport mhux dejjem jiġik kollox kif tixtieq int mill-ewwel! B'hekk trid taħdem u taħdem biex tasal fejn trid u tagħmel li jkun hemm bżonn biex tasal!

More in Lokali