'Kull promozzjoni hija sabiħa imma warajha jkun hemm ħafna xogħol, pjanar u sagrifiċċji'

Julian Briffa huwa eks plejer tal-ogħla livell fosthom ta' Floriana u li llum il-ġurnata huwa kowċ ta' suċċess ma' Żurrieq, fejn xprunahom għall-promozzjoni mit-Tielet għat-Tieni Diviżjoni.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Jien ili nilgħab futbol minn meta kont żgħir, imma bdejt l-ewwel meta kelli madwar seba' snin man-Nursery ta’ Luqa St Andrews. Imbagħad ta’ xi disa' jew għaxar snin kont mort ma’ Floriana F.C. fejn hemm għamilt kważi 28 sena. L-imħabba tiegħi lejn il-futbol naħseb li hija xi ħaġa ġenetika għax żgur bħala iben Jimmy Briffa qatt ma tista' tkun tħobb xi sport ieħor, proprjament ma kellix għażla oħra. Illum u minn dejjem il-futbol huwa ħajti u l-verità hi li ħajti ddur madwaru, kif nilbes, niekol, ngħix u ħafna affarijiet oħra li fl-ebda ħin ma jiddispjaċini bis-sagrifiċċji kollha li għamilt. Bħal kull imħabba, il-futbol għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu, imma għalija huwa l-isbaħ ħaġa li hawn fid-dinja.   

X'tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti tiegħek ma' Żurrieq?

It-tim ta’ Żurrieq ili nsegwih u ħafna mill-plejers u kumitat ilhom ħbieb tiegħi. Din is-sena kelli l-opportunità li nkun kowċ ta’ dan it-tim bi storja sabiħa. F’din l-ewwel sena bħala kowċ, żgur mhu ser ninsa qatt, fejn mhux biss ħadna l-promozzjoni imma wkoll għamilna dan mingħajr ebda telfa, u dan kollu meta l-istess klabb għalaq is-70 sena anniversarju.

X'taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess biex bħala Żurrieq ksibtu l-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni?

Kull promozzjoni hija sabiħa imma warajha jkun hemm ħafna xogħol, ippjanar u sagrifiċċji.  Ma nistax inħalli barra x-xogħol kbir li jagħmlu l-kumitat, Dino Bonnici; l-President u sħabu kollha li lanqas jieqfu jaħdmu, kif ukoll missieri Jimmy li żgur li l-għajnuna u l-esperjenza tiegħu tatni għajnuna kbira. Apparti hekk, sigriet kbir tar-rebħ u dan is-suċċess imur ħafna għall-plejers u l-għaqda li kien hemm bejniethom mill-bidu sal-aħħar. Jien dejjem ridt li jkolli skwadra kbira avolja dan huwa diffiċli għall-klabb fit-Tielet Diviżjoni, imma dan għen lit-tim jibqa' dejjem kompetittiv. Il-plejers ħadmu u għamlu bosta sagrifiċċji fejn attendew kważi għas-sessjonijiet tat-taħriġ kollha - xita, silġ u sħana, avolja dawn kollha jaħdmu ħinijiet twal.  Meta tqis li kulħadd għamel il-biċċa tiegħu mill-qalb, meta tiġbor lil kulħadd taħt għan wieħed, diffiċli biex ma jkollokx dan is-suċċess.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Din is-sena, kien hemm aħna Żurrieq F.C. u Xgħajra Tornadoes li konna l-ħin kollu fuq quddiem u infatti ġejna l-ewwel u t-tieni rispettivament. Apparti hekk, imbagħad kien hemm xi erba' timijiet li kienu kollha ta’ livell tajjeb li bdew kollha jiġġieldu għat-tielet post minħabba l-play-offs. Kien hemm l-Imsida, Ħad-Dingli, Ħ’Attard u l-Imdina li kollha kellhom tim kompetittiv ħafna u taw logħba lil kulħadd. Wieħed ma jistax jarmi lil Ta’ Xbiex u t-timijiet l-oħra fejn illum kulħadd tgħallem tattikalment u sakemm issib l-ewwel gowl, mhux faċli tirbaħ il-logħba. 

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Fil-verità, naħseb li l-klabbs kollha qed jinvestu fil-barranin għax qed jiġu orħas mill-plejers Maltin. Plejers Maltin hawn. Meta kont nilgħab Premier, kull tim kellu tliet barranin biss, imma dawn it-tliet individwi kienu jkunu ta’ livell għoli ħafna fejn kienu jagħmlu differenza kbira. Illum ftit jew xejn tara d-differenza bejn plejer barrani u dak Malti. Mhux qed ngħid li m’hawnx barranin tajbin, imma hawn wisq li qed jieħdu post plejers Maltin. Dan kollu suppost qed isir biex itejjeb il-kampjonat domestiku Malti, fejn fil-verità dan mhux qed isir u fl-istess ħin ħafna plejers Maltin qed isibu inqas ċans li jilagħbu. 

Hawn ħafna żgħażagħ fin-Nurseries tagħna fejn dawn dejjem joħolmu li jilagħbu fil-Premier, però din qed tkun diffiċli ħafna. Hawn bosta nurseries bħal Pietà, Hibs u oħrajn fejn il-livell tat-tfal tagħhom huwa tajjeb ħafna, però huwa diffiċli ħafna li dawn xi darba għad isibu post fejn ikunu jistgħu jilagħbu fl-ogħla livelli tal-futbol Malti. 

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat tat-Tielet Diviżjoni?

Il-grawnds ta’ Malta speċjalment fil-livelli tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni huma li huma. Il-ħaxix sintetiku lili qatt m'għogobni. Din it-tip ta’ art tikkawża wisq injuries, apparti minnhekk il-grawnds ikunu niexfa ħafna u f’xi grawnds issib iktar 'rubber' iswed milli turf. Nifhem li Malta għandna l-limitazzjonjiet tagħna imma l-problema hi li meta ssir xi ħaġa ġdida ma jkunx hemm pjan biex issir manutenzjoni ta’ spiss u kif suppost. Għadni ma nistax nifhem kif il-grawnds kollha mhux kollha tal-istess qies, fejn kważi bħala tim ikollok taddatta għall-grawnd fejn tkun se tilgħab. 

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul l-aħħar staġun?

Bħal kull persuna, ir-referis huma suġġett għall-iżball, bħalma hu kulħadd. Jien ili nilgħab diversi snin issa, u l-iktar ħaġa li ddejjaqni f’persuna hija n-nuqqas ta' rispett. Meta kont iżgħar, kien hemm referis li kienu jibnu rispett reċiproku, fejn kienu jitkellmu u jfehemu lill-plejer, u mhux jgħajtu u jitkessħu bl-awtorità tagħhom fil-grawnd. Nifhem li ċerti referis żgħar iridu jibdew jieħdu l-esperjenza minn xi mkien u t-Tielet Diviżjoni hu l-inqas livell, però dan ma jfissirx li wieħed għandha għalfejn tikbirlu rasu jew jitkessaħ fil-grawnd. Nistenna wkoll li referì jkun jaf għall-inqas jitkellem b'Ingliż tajjeb għax ġieli kien hemm xi referis li lanqas biss setgħu jikkomunikaw magħna! 

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

Biex tkun plejer tajjeb l-ewwel ħaġa trid tkun tekniku mit-twelid. Imma dan ma jfisser xejn, għax hawn ħafna plejers b’dan id-don li ma jaslux imma mbagħad ikun hemm plejers oħra li ma jkollhomx don daqstant tajjeb imma jaslu xorta, bil-ħidma, sagrifiċċji u personalità tagħhom. Għalija l-ewwel li jrid ikollu plejer biex ikun tajjeb, hu l-karattru. Jekk plejer ma jkollux karattru tajjeb, mhu se jasal qatt. Plejer irid ikun tajjeb f’tim, waħdu, mal-kowċ, xħin imur lura d-dar u jkun jaf x'għandu jagħmel f’kas ta’ telfa jew rebħa. 

Importanti li ma taqtgħu qalbkom qatt u tkunu lesti li tagħmlu sagrifiċċji Julian Briffa

Plejer irid jagħmel sagrifiċċji kbar speċjalment Malta fejn il-futbol diffiċli biex ikun ix-xogħol ewlieni, fejn wieħed wara ġurnata xogħol għajjien u bil-ġuħ, xemx u xita jrid imur għat-taħriġ kważi kuljum. It-taħriġ hu essenzjali għax il-fiżika hija ferm importanti, kif ukoll taħriġ tattiku ieħor. Speċjalment iż-żgħażagħ iridu jkunu jafu jsibu bilanċ bejn studju, ħruġ u futbol għax kollha f’daqqa żgur ma jistgħux isiru jekk wieħed irid ikun tajjeb fil-grawnd. Wieħed irid dejjem jitgħallem mill-iżbalji tiegħu!

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Jien naħdem bħala għalliem tal-edukazzjoni fiżika, għalhekk ix-xogħol tiegħi huwa ideali għat-taħriġ. Avolja hekk xorta mhux faċli li titlaq minn fejn il-familja u n-nies tad-dar biex tmur għat-taħriġ u kuljum tasal lura xit-8:30pm. Kollox fih is-sagrifiċċju tiegħu. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għalissa żgur nipprova nistrieħ ftit wara staġun impenjattiv u intensiv bħalma kien l-aħħar wieħed. Il-pjan hu li nibqa' ma’ Żurrieq fit-Tieni Diviżjoni fejn nippruvaw l-ewwel għan li nsalvaw u iva jekk jiġi ċ-ċans biex nitilgħu nieħduh ukoll. Futur bħala karriera ta’ plejer naħseb wasal lejn it-tmiem, fejn issa nibda nikkonċentra iktar fuq kowċing. Xogħol bħala plejer jew kowċ mhux faċli, lanqas xejn. Issa nibda nitfa' moħħi u l-ħin tiegħi fuq il-kowċing ħalli iktar 'il quddiem forsi jkolli xi tim f’livell iktar għoli, jew l-istess Żurrieq nibqgħu telgħin għall-Premier. 

Toqogħdux tħarsu lejn plejers kbar u kif iġibu ruħhom, għax dawk issa waslu fejn riedu u għandhom ftit dritt li jgawdu l-fama tagħhom Julian Briffa

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol.

Importanti li ma taqtgħu qalbkom qatt u tkunu lesti li tagħmlu sagrifiċċji. Il-futbol ma jintlgħabx biż-żarbun ileqq jew bl-istil sabiħ tax-xagħar. Il-futbol jintlagħab bil-qalb, moħħ u dedikazzjoni. Toqogħdux tħarsu lejn plejers kbar u kif iġibu ruħhom, għax dawk issa waslu fejn riedu u għandhom ftit dritt li jgawdu l-fama tagħhom. Imma l-ewwel trid taħdem u ma tħalli lil ħadd jaqtagħlek qalbek. Obdu mill-ġenituri għax iktar minnhom ħadd ma jridilkom iktar ġid, u ibqgħu studjaw għax l-iskola hija ferm importanti. Fl-aħħar nett, fil-karriera ħa ssibu ħafna nies fosthom kowċis li jaqtgħulkom qalbkom, tieqfu qatt, ħalli fl-aħħar nett tagħtu risposta, imma biex tagħmlu dan tridu taħdmu bil-għaqal, b’serjetà u sagrifiċċju. 

More in Lokali