Ħames Minuti Intervisti Divertiment Teatru Arti

Mill-Kapitali | Niltaqgħu maċ-Chairman tal-Fondazzjoni V18

Il-Fondazzjoni V18 ilha għaddejja fuq vjaġġ ta’ 5 snin bi tħejjija għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta

Clifford Galea / 14 ta' Novembru 2017 18:51
Ninsabu fuq l-għatba tas-sena 2018; is-sena li fiha l-belt kapitali Maltija Valletta se tieħu t-tiltu tal-belt kapitali Ewropea tal-kultura. Bi ktejjeb imdaqqas mimli informazzjoni f’idi li ħareġ apposta bid-dettalji kollha u b’laqgħa ġentili li kelli maċ-chairman  tal-fondazzjoni; Jason Micallef, inħossni kburi li se nkun nista’ ngħix din l-esperjenza flimkien mal-poplu kollu, grazzi għall-ħidma kbira li saret tul dawn l-aħħar snin bi preparazzjoni għall-akbar festa fil-kapitali, mill-Indipendenza ’l hawn.

Il-Fondazzjoni V2018 ilha għaddejja fuq vjaġġ ta’ 5 snin bi tħejjija għar-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta. Dan kien jirrikjedi struttura mibnija fuq 3 pilastri:

1.    Riġenerazzjoni ekonomika bi proġetti infrastrutturali kbar. Dan wassal għal bosta impjiegi ġodda kif ukoll għal trasformazzjoni minn belt kwieta li tmur wara s-6pm għal belt ħajja f’kull aspett.

2.    Programm kulturali b’saħħtu sostenibbli. Dan kollu kien maħsub biex il-frott ma jitgawdiex biss fis-sena li se niċċelebraw u rajna binja tul is-snin li se twassal għal qofol tagħha s-sena d-dieħla u anke titkompla wara. Rajna avvenimenti ta’ kalibru ġodda bħal ‘Pageant of the Seas’, il-‘Valletta Green Festival’, l-attivitajiet tal-aħħar tas-sena u oħrajn.

3.    U l-legat li se jitħalla kemm dak infrastrutturali u anke dak kulturali. Fis-snin ta’ wara żgur li dan se jibqa’ jinħass. Ġaladarba tispiċċa l-Fondazzjoni V2018, il-Belt se jkollha Aġenzija (Valletta Cultural Agency) biex tassorbi l-ħaddiema li kienu inovluti tul dawn is-snin ta’ preparazzjoni.

Flimkien mal-Gvern, ir-riġenerazzjoni se titkompla propju mis-sena d-dieħla stess sas-sensa 2020 bi 30 miljun ewro x’jintefqu fi proġetti ġodda bħal eżempju f’Marsamxett, Sant’Iermu, il-Baviera u anke fl-oqsma soċjali fejn toqgħod il-komunità Beltija bħal Mandraġġ u l-arċipielagu.

Wieħed jinnota li l-ħidma li saret se tkun qed tgħolli l-kwalità tal-Belt li kienet imħalla tiddisintegra tul is-snin biex inħeġġu lin-nies jibqgħu jgħixu fil-Belt u anke jiġu oħrajn li kienu telqu maż-żmien. Għall-ewwel darba se jsir ukoll ‘Day Care Centre’.

Il-programm tal-V2018 huwa mqassam fuq 400 attività madwar Malta kollha b’140 minnhom, uħud ikunu ta’ portata nazzjonali fil-kapitali. L-attivitajiet kollha li se jsiru fil-Belt se jlaħħqu n-nefqa ta’ 10 miljun ewro. Involuti hemm il-Kunsill Malti għall-arti, it-Teatru Manoel, l-orkestra Filarmonika ta’ Malta u Pjazza Teatru Rjal, kif ukoll Spazju Kreattiv u Heritage Malta. Din il-ħidma twassal biex b’koninzjoni jkollna parteċipazzjoni ġenerali li minnha jibbenefikaw bosta, inkluż l-ekonomija u ċ-ċittadini Maltin kif ukoll pajjiżna, fuq livell internazzjonali.

“V18 ma tibdiex u tispiċċa fil-Belt iżda hija festa kbira li tolqot il-5 reġjuni tagħna: Għawdex, il-Majjistral, ix-Xlokk, it-Tramuntana u n-Nofsinhar u anke l-Belt inniffisha.

Tant u hekk, li fl-aħħar sentejn il-fondazzjoni impjegat 5 koordinaturi reġjonali (b’wieħed f’Għawdex) bħala punti ta’ referenza mal-fondazzjoni nniffisha. Inħossni xxurtjat li f’din l-opportunità għal Malta, qajla kont noħlom li kelli nkun jien propju fit-tmexxija b’tim stupend li jaħdem bla waqfien.

Is-sodisfazzjon personali huwa li anke waqt li miexi fil-Belt in-nies juru rikonoxximent għall-ħidma li qed titwettaq, lil hinn minn kull twemmin. Ħlomt bi proġett nazzjonali għal kulħadd u hekk ser ikun.’’ Jason Micallef.

Inħeġġeġ lilkom tkunu ambaxxaturi tal-Belt kapitali tagħna Valletta u tipparteċipaw. Il-programm ivarja minn festi mużikali, staġun operistiku (bejn Ġunju u Ottubru 2018) b’7 opri differenti bl-kbar sfida hija dik oriġinali ‘Aħna Refuġjati’ fl-aħħar t’Awwissu u ħafna avvenimenti pjaċevoli oħra bħal ċinema, arti, kunċerti, festivals, wirjiet, konferenzi, żfin u fuq kollox, avveniment li se jolqot kull parti tas-soċjetà; minn tfal sa anzjani.

Il-ftuħ uffiċċjali se jsir fl-20 ta’ Jannar 2018 b’4 spettakli kbar ta’ 30 minuta ’l wieħed fil-pjazez: Tritoni, Kastilja, San Ġorġ u San Ġwann. Mistennija jattendu 80,000 ruħ. Malta jkun imissha dan it-titlu f’belt/raħal differenti fl-2031.

Mill-ewwel se jitkompla x-xogħol biex jintagħżel il-post li jkun iddikjarat kapitali Ewropej għal dik is-sena b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook