Letteratura | Eki mill-Mirja; The Lover Speaks...

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal din il-ġimgħa Kevin Saliba jaqsam mal-qarrejja l-istejjer personali li ftit tas-snin ilu wasslu għall-ħolqien ta’ proġett mużikali. Imsejjes fuq is-saġġ Fragments d’un discours amoureux ta’ Roland Barthes u mnebbaħ minn diversi kantawturi fosthom Peter Hammill, il-proġett jikkonsisti fi traduzzjonijiet ta’ liriki għall-Malti, fil-biċċa l-kbira kanzunetti ta’ mħabba

Jum minnhom, tard fl-2013 wara lockdown personali ta’ kważi sena u nofs – waqt perjodu kemxejn ta’ ħajja jew mewt – fettilli nżur mill-ġdid bar f’Belt il-Lussemburgu li kont niffrekwenta xhur qabel, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mir-residenza li kelli f’Côte d’Eich. Il-Mr. Dixon, dal-bar tassew mhux tas-soltu – bil-ħitan kollha miksijin b’paġni ta’ ġurnali antiki u posters dwar ġrajjiet jew persunaġġi storiċi – inzerta kellu kaxxa tad-daqq b’ħemel ta’ diski antiki, fil-biċċa l-kbira mill-ġeneri Brill Building, Rock ’n Roll, Funk, Soul u Motown. Is-sidt ferm grazzjuża li kienet tieħu ħsiebu u iżjed u iżjed il-modi pjuttost retro kif ramatu u żejnitu minn daqqiet kienu jfakkruni fin-nies u l-bars illi kienu jidhru bejn nofs is-sebgħinijiet u nofs it-tmeninijiet fis-sensiela televiżiva Amerikana Happy Days. Sal-milkshake preċiż...

Dakinhar, wara tant xhur bla ma mmiss imqar qatra alkoħol, uħud min-nies tal-post illi kienu ilhom ma jarawni qatigħ ġew jiġru jħallsuli minn kollox biex bħal ilkoll bħal darna niċċelebraw bi ħġarna l-qawmien ta’ Lazzru. Intant, il-kaxxa tad-daqq ma waqfitx sekonda ddoqq diska kbira wara oħra, bħas-soltu insomma: tmur sal-Mr. Dixon għal siegħa biex tixrob birra waħda mingħalik dieħel id-dar fit-tmienja, tispiċċa minflok tixrob tmienja u tidħol fis-siegħa. Imbagħad l-għada filgħodu dlonk jaslu t-tutti frutti: tiġi tqajmek b’ħanġra daqsxiex il-mara u ’qas tkun ċert jekk intx tisma’ lilha jew xi eku mill-Good Golly Miss Molly. 

Dika l-lejla ma kinitx wisq xort’oħra minn dawk ta’ bosta xhur qabel għajr f’ħaġa waħda: f’ħin minnhom il-kaxxa tad-daqq bdiet iddoqq is-silta ta’ Bob Dylan I Shall Be Released, sewwasew l-interpretazzjoni tal-grupp The Band li tawna fid-debutt tagħhom Music from Big Pink. Minn xi mkien – jew minn imkien, ma nafx – f’ħin bla waqt qabdet iddur ġo moħħi l-lirika bil-Malti: “jgħidu kollox pariġġu ssib... nar’għad il-ħelsien”. Għandu mnejn dan ġara għax il-versi ta’ Dylan ħassejthom tabilħaqq jgħoddu għall-qagħda li kont fiha daka l-ħin: wara tant xhur magħluq ġewwa – filli fuq dak is-siġġu tar-roti ndur u ngħaqad fil-kurituri tas-Centre Hospitalier de Luxembourg u ta’ Mater Dei u filli lura għand Mr. Dixon bħal dari – u issa fi stat ta’ saħħa ferm aħjar minn ftit tax-xhur qabel. Allura dlonk iddubbajt lapes u karta u nxħett inħażżeż. Dik l-għaxija mort daqqejtilhom daż-żewġ diski mat-tliet darbiet infila biex nissokta nikteb bla ma nitlef it-temp. Ħalli li mbagħad it-temp intilef xorta: minn out of my mind dil-biċċa għal ftit ma spiċċatx bin-namrat tas-sidt jgħajjat out of my bar. Ftit jiem wara – proprju daqs tliet ġimgħat qabel kelli nħalli l-Lussemburgu għalkollox, wara xi disa’ snin, biex nirritorna lura Malta – reġa’ kelli esperjenza kemxejn simili fl-istess post bis-siltiet ċelebri I’m So Afraid tal-Fleetwood Mac u Out of My Mind tal-Buffalo Springfield. 

Ladarba kont ili li tajtha għar-riċerki traduttoloġiċi u għat-traduzzjoni tal-poeżija, dak iż-żmien diġà kont midħla mhux ħażin tal-istudji tat-traduzzjoni tal-kanzunetta. Biss, safrattant kważi qatt qabel ma kont ittantajt naqleb xi diska għall-Malti, għajr silta waħda ta’ Leonard Cohen. Biss dan l-eżerċizzju kien beda jogħġobni: b’hekk stajt nisma’ – imqar jekk biss ġo moħħi – xi diski li nħobb bil-Malti u forsi ntejjeb ukoll ix-xogħol li maż-żmien kont erġajt qbadt fuq it-traduzzjoni tal-poeżija. Dan l-eżerċizzju kellu wkoll fini oħra. Magħluq id-dar malajr tinsa minn kont: wara xhur nisma’ kważi biss mużga ambient – too old to Rock ‘n’ Roll: too young to die! – ridt nerġa’ nidħol mill-ġdid f’kuntatt mat-tali li xi darba kont. Ftit qabel it-titjira li fl-aħħar kellha twassalni lura Malta – did-darba fil-Hotel Bristol fejn fiha, malli wasalt il-Lussemburgu lejn tmien l-2004, qattajt xi jiem m’Alex Vella Gera sakemm instabilna appartament – twieldet it-traduzzjoni tas-silta House with No Door tal-grupp Van der Graaf Generator – lirika tal-kantawtur Peter Hammill. Nerġa’ niġi għalih dalwaqt.

Mal-kors tax-xhur it-traduzzjonijiet qajqal baqgħu joktru sakemm – kif spiss imbagħad jiġri – il-ħrara lejn dil-għada l-ġdida, skoss wara ieħor, falliment wara falliment, qabdet bil-mod tbatti u tnin naqra naqra. Sakemm imbagħad, wara relazzjoni intensa li falliet bl-ikrah għal darba tnejn, bħal sajjetta fil-bnazzi – jew bħall-bnazzi waqt is-sajjetti – erġajt sibt ruħi fl-istess baħar imqalleb, anzi agħar. Proprju minn hemm tul bosta xhur sfajt nissielet ma’ ħsibijiet fitti u intrużivi ta’ liriki ta’ artisti minn diversi ġeneri. Fis-saġġ tiegħu Fragments d’un discours amoureux (Frammenti ta’ Diskors ta’ Mħabba) il-filosofu Roland Barthes kien stqarr – b’referenza għat-tmiem ta’ relazzjoni – li “l-iżjed punt sensibbli f’dan il-luttu hu li jkolli nitlef ċertu lingwaġġ – il-lingwaġġ tal-imħabba. Minn issa ’l quddiem daqshekk ser nibqa’ ngħid « inħobbok »”. 

Għalija dan ma kienx tant il-każ. Ibda biex fil-biċċa l-kbira d-diski kien filfatt kanzunetti ta’ mħabba: xi wħud traduzzjonijiet ‘fidili’, oħrajn pjuttost adattamenti, xi ftit oħra mbagħad ħolqien kważi ġdid għalkollox. Bosta oħrajn bdejthom iżda mbagħad tlaqthom nofs leħja. Tul ċertu żmien dal-eżerċizzju tant kien ikkunsmani li kkusidrajt l-idea li b’xi mod noħloq break-up album (anke forsi doppju) – Eki mill-Mirja – b’ħafna minn dan il-materjal: ‘eki’ għax l-iktar kanzunetti li ngħożżu għandhom ħabta jibqgħu magħna jidwu fina, ‘mirja’ għax dawn il-verżjonijiet tiegħi huma riflessjoni tal-uqat luċidi li sawruhom. Imbagħad hemm ukoll l-influwenza ta’ album simili ta’ Fish: Songs from the Mirror. Ma nafx jekk f’dad-diwi tiegħi kellix ukoll bħal Fish, imqar subkonxjament, xi eki minn dawk illi jtemmu l-Meddle tal-Pink Floyd. Madankollu kaġun ta’ diversi strinġenzi, fosthom loġistiċi u finanzjarji, l-idea ftit li xejn dehret fattibbli. Għaldaqstant il-proġett – almenu fl-għamla l-proprja tiegħu – reġa’ bħal miet fuq ommu. Sadattant spiss minflok kont ukoll imxiegħel fuq mezzi artistiċi oħra li setgħu jaqdu xi ftit jew wisq l-istess fini katartika, fosthom it-teatru. L-iżjed li mar ’il bogħod kien li silta minnu – Amore che vieni, amore che vai ta’ De Andrè – ġiet interpretata lajv mill-Brikkuni waqt it-tnedija tal-album tagħhom Rub Al Khali. Kien ħabat tajjeb ladarba anke dan l-album tant singulari – partikularment s-silta-titlu – kien filfatt insenagħ minn Mario Vella tul fażi li kienet tixbah ferm lil tiegħi.

Fi Frar ta’ dis-sena, madankollu, Peter Hammill – kantawtur illi ili nsegwi mill-qrib tul dal-aħħar għoxrin sena – ħabbar li ser joħroġ album sħiħ ta’ covers tradotti minnu bl-isem, inzerta, In Translation. Anke dan il-proġett jinkludi diversi ġeneri, fosthom il-mużika klassika, il-kanoni tal-Great American Songbook, il-pop Taljan u saħansitra t-Tango. Illum iżjed minn qatt qabel nifhem illi b’mod subkonxju – kważi sa mill-bidu nett – Hammill kien għajn punt ta’ riferiment kontinwu tul bosta minn dawn l-esperimenti, b’mod speċjali l-album tiegħu Over illi difatti, appuntu, jeżorċiża “b’mod spettakulari” it-tmiem ta’ relazzjoni. Ħabat ukoll illi l-kummenti li ta m’ilux lill-istampa sabiex iħabbar dan il-proġett, terġa’ u tgħid, jiddeskrivu tajjeb ħafna l-modus operandi li ħaddimt sikwit f’dawn it-traduzzjonijiet: “Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kanzunetti jittrattaw id-diżlokazzjoni, it-telf, xi xorta ta’ ġejjieni mistħajjel illi baqa’ ma wasalx. Tliet diski biss kien oriġinarjament bl-Ingliż. Ladarba tul is-snin ksibt daqsxejn esperjenza fit-traduzzjoni tal-kanzunetta ttraduċejt il-bqija jien stess. Ma ħassejtx illi stajt nagħti ġieħ lill-kanzunetti kieku kantajthom fl-ilsien proprju tagħhom. Dejjem kelli s-sistema li noħloq traduzzjonijiet kulturali iżjed milli verżjonijiet strettament lingwistiċi. B’hekk jitwassal l-ispirtu tal-kanzunetta iżjed milli n-narrattiva preċiża. [...] Nittama li ttrattajt il-materjal, l-awturi u l-kantanti oriġinali bir-rispett mistħoqq. Iżda ċerti iżvolti hawnhekk – kollha kemm huma tiegħi – ma stajtx nevitahom”.

Minkejja li maż-żmien kont tlift ħafna mill-interess, b’riħet din l-aħbar ta’ Hammill dan l-aħħar erġajt tajt ħarsa mill-ġdid lejn diversi siltiet minnu. Xi wħud minnhom għadhom jagħtuni ċertu sodisfazzjon, oħrajn imbagħad mhux daqstant. Forsi għax illum ormaj inħossni pjuttost imbiegħed mill-impulsi li amruli nkewwinhom; forsi wkoll . Hu x’inhu, ekku r-raġuni għall-ħolqien ta’ paġna Facebook fejn fiha, minn żmien għal żmien, ser jibdew jidhru wħud minn dawn it-traduzzjonijiet liriċi. Għandu mnejn wasal iż-żmien li dawn l-eki mill-mirja kkalzrati – sew bħall-imħabbes mimli tama f’dawka l-versi ta’ Dylan u sew bħal Lazzru għand is-Sur Dixon – fl-aħħar iseħħilhom huma wkoll jaraw il-ħelsien.

More in Arti