PN: Robert Abela qed jagħmel cover-up fl-iskandlu tal-benefiċċji

Il-kelliema qalu li l-Partit Laburista qabad fondi pubbliċi u qassamhom lil min ma kienx ħaqqu biex ikun jista’ jixtri l-voti

Il-Partit Nazzjonalista sosta li "ir-racket tal-benefiċċji soċjali kienet konfoffa kriminali intiża biex jinxtraw il-voti għall-Partit Laburista. U quddiem dan kollu, il-Gvern ta’ Robert Abela u l-Pulizija qed jagħmlu ‘cover-up’".

Dan il-messaġġ ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem Mark Anthony Sammut u mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise Ann Pulis, fejn kien spjegat kif, quddiem il-fatti l-ġodda li ħarġu b’rabta ma’ dan ir-racket, hu inaċċettabbli li l-istituzzjonijiet għalqu l-bibien tagħhom kull meta l-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ipprova jitkellem biex jikxef il-korruzzjoni.

Nhar il-Ħamis, eks-kanvasser Laburista u eks xufier tal-Ministru Andy Ellul, sejjaħ għal inkjesta maġisterjali biex jinvestiga r-racket ta’ frodi tal-benefiċċji soċjali, u offra li jikxef attività kriminali organizzata li jgħid li pparteċipa fiha, jekk jingħata l-istatus ta’ whistleblower.

Il-kelliema qalu li l-Partit Laburista qabad fondi pubbliċi u qassamhom lil min ma kienx ħaqqu biex ikun jista’ jixtri l-voti. Tennew li l-Protest Ġudizzjarju li ppreżenta l-eks xufier ta’ Andy Ellul għandu piż serju fuq is-saltna tad-dritt u fuq id-demokrazija.

More in Socjali