'Bħall-immigranti sfruttati hemm ukoll ħafna Maltin' - Graffitti

Il-Moviment Graffitti jisħaq mal-ILLUM li dak li ġara lbieraħ huwa sintomatiku ta’ sitwazzjoni ta’ sfruttament estrem

Andre Callus mill-Moviment Graffitti waqt li kkundanna l-fatt li 120 immigrant kienu qed iħallsu biex jinżammu f'kundizzjonijiet miżeri ġo razzett tal-baqar, fakkar li mhux l-immigranti biss qed ikunu sfruttati iżda hemm ħafna Maltin li qed jiffaċċjaw sitwazzjonjiet simili.

F'kummenti mal-ILLUM, b'reazzjoni għal dak li seħħ ilbieraħ, Callus insista li Malta huwa pajjiż fejn il-pagi baqgħu baxxi ħafna filwaqt li l-prezzijiet tal-kera splodew.

"F’Malta, persuna li taħdem fuq paga minima, anka jekk din qed taħdem legalment, qiegħda tiġi sfruttata għaliex din taqla’ biss iċ-ċifra miżera ta’ madwar €740 fix-xahar. Dan meta sabiex tikri post żgħir għandek bżonn minn tal-inqas €500 jew €600 fix-xahar," insista Callus.

Kien għalhekk li fakkar li l-Moviment Graffitti huwa nvolut f'żewġ kampanji, jiġifieri dik biex togħla l-paga minima, u l-kampanja sabiex ikun hawn regoli fis-suq tal-kera u li dwarhom, fi Frar li għadda ġie mniedi dokument bi proposti.

"Fis-suq tal-kera bħalissa hawn sitwazzjoni diżastruża," insista Callus waqt li rrefera għall-każ tal-bieraħ. "Jekk is-suq tal-kera se jibqa’ l-ġungla li hemm bħalissa, mingħajr ebda regoli, ejja nistennew iktar sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip."

Kien hawn li Callus insista li jekk il-pajjiż verament irid jiġġieled l-isfruttament, irrid jiġġieled kontra min jisfrutta u mhux l-isfruttat.

"Nittamaw ukoll li għal dawk il spiċċaw bla saqaf fuq rashom tinstab għalihom akkomodazzjoni alternattiva diċenti sakemm isibu post ieħor fejn joqogħdu," temm jgħid Callus.

Intant, nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM irrappurtat kif minkejja li kellha tkun ippubblikata qabel jibda s-sajf, il-White Paper dwar il-liġi tal-kera mistennija tkun ippubblikata x-xahar id-dieħel. Il-biża' li din setgħet twassal għal splużjoni fil-kirjiet fisser li kollox waqa’ lura.

Kienet il-gazzetta ILLUM ukoll li żvelat illi l-White paper, jew għall-inqas l-abbozz tagħha, kienet approvata mill-Kabinett.

More in Socjali