White Paper: Dewmien minħabba biża' li jisplodu l-kirjiet

Minkejja li kellha tkun ippubblikata qabel jibda s-sajf, tħassib li l-White Paper tista’ twassal għal splużjoni fil-kirjiet fisser li kollox waqa’ lura... mistennija tkun ippubblikata x-xahar id-dieħel

Il-White paper dwar il-kirjiet mistennija tkun ippublikata x-xahar id-dieħel
Il-White paper dwar il-kirjiet mistennija tkun ippublikata x-xahar id-dieħel

Minkejja li l-White Paper kellha tkun ippubblikata fil-bidu tas-sajf, din il-gazzetta tinsab infurmata illi biża’ li l-ippubblikar tal-White Paper se twassal għal splużjoni fil-kirjiet żammet kollox lura. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu illi l-biża’ kienet li malli joħroġ dan it-tant mistenni dokument, is-sidien jgħollu l-kirjiet, li preżentement diġà huma għoljin ħafna, speċjalment (imma mhux biss) fiż-żoni ta’ Tas Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi u Pembroke.

Ninsabu infurmati illi jidher li biex dan ma jseħħx il-Gvern kellu jaħseb f’xi inċentivi li kemm jista’ jkun iżommu ’l bogħod milli jogħlew il-prezzijiet. L-ILLUM tista’ tiżvela li waħda mill-inċentivi hija li iktar kemm itawwal kirja s-sid, inqas iħallas taxxa. Din l-inċentiva timxi f’paralleliżmu ma’ diversi inizjattivi oħrajn li ħa l-Gvern fl-aħħar snin biex id-dħul tal-kirjiet ikun iddikjarat u s-sidien li jagħmlu dan iħallsu inqas taxxa.

L-ILLUM tista’ tiżvela wkoll li hekk kif tinsab fl-istadji finali, il-White Paper mistennija titressaq f’Settembru, qabel il-baġit, u minn hemmhekk tibda konsultazzjoni pubblika dwar il-proposti, illi fosthom mistenni jkun hemm durata minima li kuntratt jista’ jdum.

Din il-White Paper hija mmirata biex tnaqqas it-tbatijiet li qed jgħaddu minnhom numru ta’ persuni li qed jintalbu jħallsu kera li tkun ħafna ogħla meta jagħlaq il-kuntratt, bil-konsegwenza li jkollhom isibu post ieħor fejn jgħixu. Din il-gazzetta taf ukoll b’każijiet ta’ persuni li kienu kostretti jmorru jgħixu f’Għawdex fejn id-domanda għadha baxxa u allura l-kirjiet irħas. Dan apparti mill-fatt li teżisti sezzjoni tal-popolazzjoni, anke jekk żgħira, li la tiflaħ tħallas il-kirjiet kif inhuma bħalissa u lanqas tikkwalifika għal biżżejjed self biex issir sid ta’ darha. Minkejja dan, mhux kulħadd jixtieq li din il-White Paper tara d-dawl, u din il-gazzetta tinsab infurmata illi fil-proċess, li issa ilu għaddej, saret   pressjoni biex il-White Paper tingħata l-ġenb, bħalma ġara bil-pjanijiet biex ikunu regolati l-aġenziji tal-proprjetà.

Is-sorsi differenti li kellmu din il-gazzetta qalu wkoll li apparti l-biża’ li jogħlew il-prezzijiet, kien hemm biża’ li regolazzjoni tista’ tieħu parti mis-settur fl-industrija s-sewda.

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat illi l-White paper, jew għall-inqas l-abbozz tagħha, kienet approvata mill-Kabinett u li kienet se tkun ippubblikata fil-bidu tas-sajf. Ftit jiem wara, nhar l-1 ta’ Mejju, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma illi d-dokument se jkun ippubblikat u se ssir diskussjoni dwaru.

“Dan se jkun l-ewwel  gvern li qed jaħdem biex is-suq tal-kera ma jibqax ġungla. Mhux se nagħmlu affarijiet li ma jsirux, wasal iż-żmien biex nagħtu ċertezza u stabbiltà, drittijiet u dmirijiet,” kien qal Muscat dakinhar.

Id-diskussjoni dwar il-kirjiet kienet qamet l-ewwel fuq din il-gazzetta bi proposta għal forma ta’ capping fuq il-kirjiet, proposta li ma qablux magħha la l-Gvern u lanqas l-Oppożizzjoni. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet tiżdied id-domanda u aktar bdew jogħlew il-kirjiet.

Kien il-PM Muscat illi fuq programm fuq l-istazzjon ONE ħabbar illi jekk żieda fis-sussidji mħabbra fil-baġit ma tikkalmax il-prezzijiet li dejjem jogħlew, il-Gvern kien lest li jirregola s-suq.

More in Politika