Ritratti | 120 immigrant jħallsu €100 fix-xahar biex jgħixu flok il-baqar

L-immigranti nstabu dalgħodu qed jgħixu ġo razzett f'kundizzjonijiet ħżiena ħafna

Ritratt | Kurt Sansone
Ritratt | Kurt Sansone

Madwar 100 immigrant instabu kmieni dalgħodu qed jgħixu ġo razzett li jinsab fi Sqaq Awżara fil-limiti ta' Ħal Qormi.

Huma nstabu qed jgħixu f'kundizzjonijiet ħżiena ħafna minn Uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar waqt spezzjoni li saret dalgħodu fl-istess razzett.

Mal-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar ingħaqdu wkoll il-Pulizija li żgumbraw il-post.

Wieħed mill-immigranti, saħansitra qal li kien qed iħallas €100 fix-xahar biex jgħix f'dan ir-razzett. 

F'kummenti mas-sit MaltaToday, Charles Gafa, wieħed mill-Uffiċjali, spjega kif f'dan ir-razzett li normalment jintuża għat-trobbija tal-baqar, instab dormitorju li fih kienu qed jgħixu 120 immigrant.

Jidher li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ilha ġimgħat tosserva r-razzett u l-inħawi wara li rċeviet għadd ta' rapporti. 

"Il-kmamar kienu mimlija sodod marsusa ma' xulxin. Kundizzjonijiet li l-ebda persuna ma tixtieq li tgħix fihom," saħaq Gafa, waqt li fi stqarrija aktar tard, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-kmamar tal-banju (jekk tista' ssejħilhom hekk) kienu ta' periklu għas-saħħa ta' dawk li jużawhom.

Skont l-istess Gafa, l-immigranti waslu Malta mill-Ewropa. Huma ngħataw iċ-ċans li jitilqu u jsibu akkomodazzjoni alternattiva.

Intant l-Enemalta ġiet mitluba biex immedjatament taqta' l-elettriku u r-razzett qed jiġi ssiġġillat.

More in Kronaka