AĠĠORNATA | Il-ħaddiem illi akkuża lil MPT b'nuqqas ta' sigurtà jiġi sospiż

Superviżur fi ħdan Malta Public Transport akkuża lil min iħaddmu li injora t-tħassib tiegħu u li pprova jġiegħlu jħalli karozzi tal-linja perikolużi u mhux tajbin għat-triq ikomplu joperaw, uħud bil-brake pads tant użati li l-effettività tagħhom hi ta’ inqas minn 30%

Ritratti tal-ħsarat li kien jiltaqa' magħhom is-superviżur, ippublikati fil-protest ġudizzjarju
Ritratti tal-ħsarat li kien jiltaqa' magħhom is-superviżur, ippublikati fil-protest ġudizzjarju

Dan l-artiklu kien aġġornat fl-3:47pm bl-istqarrija tal-Malta Public Transport

Fi stqarrija t-Tlieta waranofsinhar il-Malta Public Transport qalet li s-superviżur Claudio Cutajar, illi għamel allegazzjonijiet serji kontriha, bħalissa qed jiffaċċja akkużi dixxiplinarji għal “kondotta ħażina” fir-rigward ta’ ksur ta’ proċeduri.

Fl-istess waqt, is-sit Newsbook, irraporta wkoll illi l-istess Claudio Cutajar, ġie sospiż.

It-Tlieta filgħodu, is-superviżur akkuża lil min iħaddmu li injora t-tħassib tiegħu u li pprova jġiegħlu jħalli karozzi tal-linja perikolużi u mhux tajbin għat-triq ikomplu fiċ-ċirkolazzjoni, uħud bil-brake pads tant użati li l-effettività tagħhom hi ta’ inqas minn 30%.

L-allegazzjoni xokkanti ħarġu minn protest ġudizzjarju mressaq dalgħodu minn Claudio Cutajar, superviżur ta’ workshop b’aktar minn għaxar snin esperjenza fil-manutenzjoni ta’ dawn it-tip ta’ vetturi, inkluż f’workshops barra minn Malta.

Flimkien mal-protest ġudizzjarju Cutajar ippreżenta ritratti ta’ partijiet bil-ħsara, logs tat-tiswija u chats fuq WhatsApp mal-kap tiegħu.

Huwa stqarr li s-sitwazzjoni attwali qed tpoġġi f’periklu lill-utenti tal-karozzi tal-linja u lill-pubbliku inġenerali.

“Is-sigurtà tal-passiġġieri tagħna, tal-impjegati tagħna u tal-utenti kollha tat-triq, hija l-prijorità ewlenija tagħna, u qatt ma konna u qatt mhu se nikkompromessi fuq dan l-aspett fundamentali,” huma żiedu jgħidu.

Il-Malta Public Transport ċaħdet b’mod katergoriku kull allegazzjoni fil-konfront tagħha u s-sigurtà tal-karozzi tagħha.

Il-kumpanija qalet li għandha proċeduri stretti fis-seħħ, li huma bbażati fuq l-esperjenza internazzjonali estensiva tagħha, biex tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà tal-karozzi tal-linja tagħha.

“Il-kumpanija qatt ma kienet tippermetti li karozzi tal-linja li ma jkunux tajbin għat-triq jitpoġġew fit-triq," MPT temmet tgħid.

Iktar dettall mill-protest ġudizzjarju

Wara r-riżenja ta’ Robert Sofia, wieħed mid-Diretturi tal-MPT, f’Mejju tal-2023, is-sostitut tiegħu kien sejjaħ laqgħa tal-persunal li fiha spjega li l-kumpanija kienet għaddejja minn perijodu iebes finanzjarjament.

Bosta kienu rriżenjaw wara din il-laqgħa, b;konsegwenza li żdied l-ammont ta’ xogħol fuq il-grupp żgħir ta’ persuni li kien fadal, li ma setgħux ilaħħqu mad-domanda għat-tiswijiet.

Aktar persuni, l-aktar mekkaniċi, f’Diċembru 2023, taw ir-riżenji tagħhom. F’wiċċ kollox, l-istess imgħallem ħalla lil Cutajar bħala wieħed minn tmien mekkaniċi fil-garaxx tat-trasport tal-MPT kollu.

Minn Jannar, Cutajar jgħid li f’diversi okkażjonijiet kien ġie mġiegħel japprova bħala tajbin għat-triq, fil-kapaċità tiegħu ta’ superviżur, karozzi tal-linja li kienu perikolużi għall-passiġġieri tagħhom u għal terzi persuni – pereżempju vetturi li l-brejkijiet tagħhom “evidenzament ma kinux qed jiffunzjonaw kif suppost u fil-massimu tagħhom.”

Il-protest ġudizzjarju jgħid li Cutajar kien wieġeb billi staqsa għaliex għandu jinżamm responsabbli għal xi ħaġa li ma riedx jagħmel. B’riżultat ta’ dan, inħariġlu twissija bil-miktub.

Fi Frar 2024, Cutajar u żewġ superviżuri oħra ġew ordnati jieqfu jaħdmu xiftijiet ta’ bil-lejl, u b’mod effettiv ineħħuhom milli jkunu f’pożizzjoni li jostakolaw iċ-ċertifikazzjoni ta’ karozzi tal-linja li ma jistgħux jintużaw għat-triq.

More in Qrati u Pulizija