Żewġ nisa u raġel arrestati wara li serqu ħanut f'Tas-Sliema

L-impjegata ta' ħanut f'Tas-Sliema qalet li l-persuni aggredewha u serqu ammont ta’ flus kontanti qabel ma telqu jiġru minn fuq il-post

Żewġ nisa u raġel ġew arrestati l-Erbgħa waranofsinhar, wara li allegatment ħebbew għal impjegata ta’ ħanut u wettqu serqa mill-istess ħanut f’Tas-Sliema.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li għal xi 2.30pm, intalbet l-assistenza tagħhom f’ħanut fi Triq ix-Xatt.

Malli waslu fuq il-post, il-pulizija sabet lill-impjegata, mara ta’ 31 sena minn San Ġwann, li infurmathom illi daħlu fuqha tliet persuni, aggredewha u serqu ammont ta’ flus kontanti. Wara huma ħarbu minn fuq il-post.

Wara li ngħatat deskrizzjoni tal-persuni involuti, il-Pulizija bdiet bit-tfittxijiet għat-tliet suspettati.

Madwar siegħa biss wara, il-mara ta’ 35 sena minn San Ġwann, tfajla ta’ 25 sena minn Tas-Sliema, flimkien ma’ raġel ta’ 28 sena, dehru fi Triq ix-Xatt, il-Gżira u ġew arrestati minnufih.

Minn tfittxija li saret fuqhom, il-pulizija qalu li sabu l-oġġetti misruqin.

Aktar tard il-kaxxiera kienet iċċertifikata bi ġrieħi ħfief.

Minkejja li l-persuni huma kollha arrestati, l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija