Minn 7,051 test, 10 pożittivi għal sustanzi illegali f’Kordin

Fuq medda ta’ sena u tliet xhur, fil-ħabs ta’ Kordin instabu għaxar persuni pożittivi għal sustanzi illegali wara testijiet spontanji

Il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin
Il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin

Bejn Jannar 2023 sa Marzu 2024, f’Kordin saru 7,051 test għal sustanzi illegali. 

F’informazzjoni fuq il-mejda tal-kamra, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri wieġeb lill-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Albert Buttigieg li dawn it-testijiet kienu kollha spontanji u parti mill-ħidma tal-amministrazzjoni sabiex il-ħabs ikun ħieles mid-droga.   

Matul is-sena 2023, saru 5,500 test, li minnhom ħarġu tmienja pożittivi. 

Mill-banda l-oħra, bejn Jannar u Marzu 2024 seħħew 1,551 test, li minnhom irriżultaw pożittivi żewġ testijiet biss (0.13%). 

Il-Ministru kompla jżid mat-tweġiba tiegħu li meta persuna tinstab pożittiva għal xi sustanza illegali, jieħdu l-passi meħtieġa, inkluż li jsiru investigazzjonijiet mill-awtoritajiet biex jiġu stabbiliti l-fatti u fl-aħħar tittieħed id-deċiżjoni li jkun hemm bżonn. 

 “Dan l-impenn qed iżomm ħabs nieqes mid-droga, li mbagħad ikun jista’ jiffoka fuq ir-rijabilitazzjoni tal-persuni permezz ta’ diversi professjonisti.” 

More in Qrati u Pulizija