Arrestat waqt spezzjonijiet tat-traffiku għall-għarrieda

Entitajiet ingħaqdu biex jispezzjonaw it-toroq Maltin fejn 90 vettura ġiet imwaqqfa u instab li fosthom kien hemm vetturi bla pjanċi u liċenzji invalidi

Tard l-Erbgħa filgħaxija Transport Malta, Jobs Plus u s-Servizzi tad- Detenzjoni, ingħaqdu għall-spezzjonijiet tat-traffiku konġunti li kienu koordinati mill-Korp tal-Pulizija fil-bypass tal-Marsa/Ħamrun.

Madwar id-90 vettura li twaqqfu kien hemm minnhom bla pjanċi tar-reġistrazzjoni u b’liċenzji invalidi, oħrajn li kellhom ħsarat fil-vetturi li jagħmluhom ta’ periklu biex jinstaqu. 7 minn dawn il-vetturi ġew irmunkati, 3 ikkunfiskati filwaqt li saru testijiet tan-nifs għal xufiera li jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol. 

3 persuni ġew arrestati għax irriżulta li kienu qed jgħixu hawn b’mod irregolari. Xufier ieħor ġie arrestat wara li prova jaħrab l-ispezzjonijiet u ndunaw li lanqas kellu liċenzja mħallsa u polsa tal-assikurazzjoni. 

L-Awtoritajiet se jibqgħu għaddejjin bl-ispezzjonijiet tat-traffiku fit-toroq Maltin u Għawdxin biex jiżguraw toroq iktar siguri. 

More in Qrati u Pulizija