L-Awtorita’ tax-xandir itellgħu l-PN fuq liċenzji mhux mħallsa

L-Awtorità tax-Xandir fetħet kawża lill-media tal-Partit Nazzjonalista rigward pagamenti ta' liċenzji dovuti. Skont sorsi mill-gazzetta ILLUM, il-PN intalab iħallas €68,000 b'mod immedjat 

L-Awtorità tax-Xandir fetħet kawża lill-media tal-Partit Nazzjonalista wara li kienu njorati snin ta’ twissijiet biex jitħallsu l-liċenzji dovuti mill-media.link lill-istess awtorità. Minn tagħrif li għandha l-gazzetta ILLUM jirriżulta li dan ir-rikors ddaħal fil-qorti fl-aħħar ġimgħat u fiha qed jintalab li l-Partit Nazzjonalista jħallas b’mod immedjat is-somma ta’ €68,000.  

Ir-rikors il-qorti segwa numru ta’ twissijiet li ħarġu mill-awtorità lill-media.link fl-aħħar snin u kienu ffirmati minn uffiċjali u avukati tal-Awtorità tax-Xandir. Fil-fatt jirriżulta wkoll li media.link dejjem qalet li se tħallas, imma mbagħad ma ħalset qatt, tant li fir-rikors ntqal: “minkejja bosta wegħdiet da parti tagħha li ser tħallas l-ammont kollu għas-saldu, xorta waħda baqgħet inadmpjenti mingħajr ebda raġuni valida fil-liġi.”  

Jirriżulta li whud mill-‘invoices’ annessi mal-kawża jmorru lura diversi snin. Ħafna mill-liċenzji li jridu jitħallsu huma relatati mal-liċenzji biex jixxandru t-televiżjoni u r-radju u anke mal-użu tal-antenna tal-Għargħur.  

Din mhux l-ewwel darba li l-qagħda finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista spiċċat fl-aħbarijiet tant li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem fit-tul dwar dan meta reġa’ kkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-Partit. Dakinhar kien qal li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista hi mwiegħra tant li hi waħda mir-raġunijiet għal ħafna mill-problemi tal-Partit Nazzjonalista, inkluż elettorali. 

Huwa mifhum li d-dejn tal-PN huwa estimat li hu aktar minn 25 miljun ewro. 

More in Qrati u Pulizija