Jinżamm taħt arrest wara li jinqabad b’49 borża droga sintetika

L-akkużat m’għandux residenza u impjieg fissi

Raġel ta’ 28 sena mis-Sudan kien arrestat it-Tlieta, 12 ta’ Settembru, f’Triq is-Salib tal-Marsa, hekk kif instabu fil-pussess tiegħu 7 grammi ta’ kannabis sintetika mqassma f’49 borża.

Huwa kien akkużat b’pussess ta’ sustanzi li miċ-ċirkostanzi jidher li ma kienux għall-użu personali. L-akkuża kienet aggravata bil-fatt li dan kien anqas minn 100 metru bogħod minn post fejn frekwentament ikun hemm persuni minuri.

L-Ispettur Mark Cremona spjega quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kif uffiċċjali li kienu qed jagħmlu ronda fiż-żona nnotaw lill-akkużat jaġixxi b’mod suspettuż. Huma segwewh u waqqfuh, meta sabu 49 borża b’sustanza mhux magħrufa, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Espert tal-Qorti identifika din is-sustanza.

L-avukat difensur Martin Farrugia wieġed mhux ħati għan-nom tal-klijent tiegħu. Hu talab għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif l-akkużat għandu kondotta nadifa.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, hekk kif l-akkużat ma kellux indirizz fiss u kien qed jgħix f’dar ta’ sieħbu. Barra minn hekk, ma kellux sors ta’ dħul. Huwa qal li jaħdem fl-industrija tal-kostruzzjoni, iżda ma kellux provi ta’ dan.

Il-Qorti ċaħdet din it-talba abbażi tal-fatt li temmen li tkun diffiċli li l-akkużat ikun traċċat sabiex jiġi mgħajjat għal seduti fil-futur.

More in Qrati u Pulizija