Erba snin u nofs priġunerija wara li nstab ħati ta' importazzjoni ta' kannabis

Hu kien arrestat lura fl-2014, iżda l-Qorti attribbwixxiet id-dewmien għas-sentenza għall-azzjonijiet tal-akkużat

Niġerjan ta’ 38 sena kien ikkundannat għal erba’ snin u nofs priġunerija u multa ta’ €5,000, wara li dan wieġeb ħati għall-importazzjoni ta’ ftit anqas minn 600 gramma kannabis minn Sqallija lura fl-2014. Il-każ kien imressaq quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Hu kien imressaq fuq akkużi li kkonfoffa li jbiegħ il-kannabis, li importaha, kif ukoll pussess aggravat tas-sustanza.

Hu kien arrestat mal-wasla tiegħu b’katamaran minn Sqallija lura f’Diċembru tal-2014. Intant, il-Pulizija nfurmat lill-Qorti li kienu nstabu 593 gramma ta’ kannabis ta’ kwalità baxxa, mgeżwrin ġo laħam nejj.

Skont l-akkużat, hu kien ġej Malta sabiex iżur it-tfajla tiegħu, li kienet qed tistenna tarbija, iżda ma kellux flus. Meta staqsa lil ħabib tiegħu, li rrefera għalih bħala “Toto”, dan kien ħallaslu l-biljett, u tah il-kannabis sabiex “jagħmel flus minnha,” filwaqt li jagħtih porzjon mill-profitti.

Waqt ix-xhieda tiegħu, u stqarr ġie Malta sabiex jaħdem u jsib xogħol. It-tfajla tiegħu kienet ġiet qabel, waqt li kienet tqila. Skontu, qatt ma kienx iċċekkja x’kien il-kontenut ta’ dak li kien qed iġorr miegħu.

Irrakkonta wkoll kif meta kien arrestat, ammetta mal-Pulizija li kellu jiltaqa’ ma’ xi ħadd fil-port fi żmien 20 minuta. Minflok ma dawn użaw din l-informazzjoni, talbuh l-ismijiet “ta’ żewġ persuni suwed involuti.”

Meta mistoqsi kemm kien ħallas għad-drogi, saħaq li ma kien ħallas xejn għax ma kienx jaf li kienu drogi.

Reġa enfasizza kif “Toto” kellu kumpanija tal-kostruzzjoni f’Malta, u li dan kien qallu jgħaddi l-pakkett lil persuna li se jkun qed jistennieħ Malta. Wara, kien se jimpjegah bħala bennej. Madankollu, il-Pulizija interċettawh.

Meta mistoqsi spjega wkoll kif, minn dakinhar, ma kellux problemi oħra mal-Pulizija, u kif iħallas il-VAT u t-taxxa f’Malta. Illum għandu ħanut tal-merċa kif ukoll barbier.

X’ħin ġiet għas-sentenza, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li d-dewmien kien ikkaġunat mill-azzjonijiet tal-akkużat stess, u b’hekk ma kellux igawdi minn riduzzjoni fis-sentenza għalhekk. Barra minn hekk, il-Qorti enfasizzat li hekk kif ċertu liġijiet marbuta mal-kannabis inbidlu minn dak iż-żmien, baqgħu l-istess f’sitwazzjonijiet fejn ma tkunx għall-użu personali.ħ

Fid-dawl ta’ dan, ikkundannatu għal erba’ snin u nofs ħabs, multa ta’ €5,000 u l-ispejjes tal-Qorti.

L-avukati Maria Francesca Spiteri u Daniel Tabone, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Simon Micallef Stafrace deher għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija