Sentenza sospiża għal żagħżugħ li ħaraq żewġ muturi fin-Nadur

Il-każ seħħ fit-2 ta' Settembru u ż-żagħżugħ ammetta li ta n-nar lil żewġ muturi u għamel ħsara fuq faċċata ta' residenza privata

Żagħżugħ ta' 20 sena li jgħix in-Nadur ngħata sentenza ta' sena ħabs sospiża għal tliet snin, wara li ħaraq żewġ muturi fin-Nadur stess.

Il-każ seħħ fit-2 ta' Settembru għall-ħabta tal-5:30pm, hekk kif il-Pulizija u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jassistu fi Triq Piju Cellini fin-Nadur. 

Hawn instabu żewġ muturi li kienu ngħataw in-nar quddiem residenza. Meta dawn intfew, bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u nħatret inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech.

It-Tlieta, iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti t'Għawdex fejn ammetta li volontarjament ħaraq il-muturi u għamel xi ħsara fuq faċċata ta' residenza privata minħabba n-nirien.

Huwa ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin, kif ukoll ingħatat ordni ta’ trattament fil-konfront taż-żagħżugħ. 

More in Qrati u Pulizija