Il-Qorti tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li seraq aktar minn €6,000

Ir-raġel kellu jittieħed l-isptar darbtejn kemm ilu arrestat, sabiex jingħata l-methadone

Raġel li ppreżenta ruħu bħala purtinar fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali tal-Gżira ġie mixli li allegatament seraq aktar minn €6,000 fi flus kontanti u ċekkijiet.

Ir-raġel ta’ 36 sena mill-Furjana kien imressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Nadine Lia it-Tlieta 12 ta’ Settembru, akkużat li seraq 4,809 fi flus kontanti, 1,466 f’ċekkijiet u żewġ Tal-Linja cards lura fif-29 t’Awwissu.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

L-Ispettur Shamus Woods qal kif waqt żewġ investigazzjonijiet f’żewġ serqiet, ħareġ li l-ħalliel iltqaqa’ ma’ ħaddiem waqt li kien fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, u qallu li hu jaħdem bħala purtinar hemmhekk. F’filmat meħud mill-kameras tas-sigurtà fl-uffiċċji, jidher l-akkużat.

L-avukat difensur Luke Valletta għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li saħaq li l-akkużat mhux se jaħrab hekk kif qiegħed jieħu ħsieb lil ommu li tinsab marida.

Il-prosekuzzjoni għamel oġġezzjoni, fuq l-argument li l-akkużat huwa riċediv, “b’problema serja ta’ drogi.” Tul kemm ilu arrestat, hu ittieħed darbtejn l-isptar sabiex jingħata l-methadone, trattament li jingħata għal min ikun qed isofri sintomi kawża ta’ nuqqas ta’ eroina.

Il-Qorti eżaminat il-kondotta kriminali twila tal-akkużat, u l-fatt li m’għandux impjieg, u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif iddikkjaratu mhux affidabbli u riskju lejn l-integrità tax-xhieda. Apparti minn hekk, ordnat li jingħata l-kura sabiex jegħleb il-vizzju li għandu.

More in Qrati u Pulizija