Raġel akkużat b’attentat ta’ stupru ta' impjegata f’ħanut tal-massaġġi jinżamm taħt arrest

Il-Qorti aċċettat it-talba sabiex l-istat mentali tal-akkużat jiġi evalwat

Raġel ta’ 32 sena kien imressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech it-Tnejn, akkużat li prova jistrupra u li wettaq atti sesswali mingħajr kunsens, u li weġġa’ u żamm kontra r-rieda tagħha mara li kienet impjegata f’ħanut tal-massaġġi fejn sar il-każ. Dan fost akkużi oħra fosthom dawk ta’ theddid u li rreżista l-arrest. Hu wieġeb mhux ħati.

L-Ispettur Busuttil irrakkonta kif fis-6 ta’ Settembru, l-akkużat żar ħanut tal-massaġġi f‘Tal-Pietà, fejn talab “servizzi addizzjonali,” liema talba ma ġietx aċċettata u wasslet sabiex tkeċċa mill-ħanut. Segwentament, hu żar ħanut ieħor f’Birkirkara, fejn seħħ l-inċident. F’xi punt kien involut ukoll ir-raġel tal-allegata vittma, u l-Pulizija ġiet infurmata ftit wara.

L-avukat tad-difiża Roberta Feliċi infurmat lill-Qorti li mhux se tkun qed iddaħħal talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda għamlet talba għal ordni ta’ kura għall-klijent tagħha, li allegatament għandu bżonn għajnuna psikoloġika. Hi talbet sabiex l-istat mentali tiegħu jiġi evalwat. Il-prosekuzzjoni qablet ma’ din it-talba, filwaqt li żiedet li l-akkużat qiegħed taħt sorveljanza għal 24 siegħa kuljum.

Il-Qorti aċċettat din it-talba u għamlet enfasi sabiex id-direttur tal-ħabs jassigura li dan l-assessjar isir mingħajr dewmien, u li deċiżjoni fuq fejn dan għandu jinżamm tittieħed  malajr kemm jista’ jkun, “kemm għall-protezzjoni tiegħu nnifsu, kif ukoll ta’ terzi.”

Il-prosekuzzjoni tmexxiet minn Cynthia Tomasuolo, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

More in Qrati u Pulizija