Is-serq tal-uċuħ fuq l-internet

Il-Pulizija titkellem fuq is-serq ta’ profili elettroniċi u tappella għal aktar kawtela meta wieħed jirċievi ħoloq suspettużi 

L-ILLUM tkellmet mad-Dipartiment tas-Cyber Crime tal-Pulizija sabiex tifhem eżatt kif jinsterqu l-profili, għalfejn, x’wieħed jista’ jagħmel sabiex jipproteġi ruħu aħjar, kif ukoll x’diffikultajiet isibu l-Pulizija fl-investigazzjonijiet ta’ każijiet bħal dawn.  

Il-Pulizija naqqset milli tirrispondi kemm hu t-total ta’ każijiet bħal dawn, kif ukoll kemm mill-investigazzjonijiet relatati dawn ma’ dawn it-tip ta’ reati irnexxielha ssolvi  

Fost l-aktar minn dawn ta’ profil għoli li seħħew tul l-aħħar xhur insibu il-paġna ta’ Facebook tal-aħbarijiet Talk.mt, kif ukoll il-paġna ta’ Facebook tal-Kummissjoni Maltija tal-Films. 

Din tal-aħħar ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta, hekk kif ħafna nnotaw kif ir-ritratt tal-profil inbidel f’dak ta’ tfajla żgħażugħa fl-10 ta’ Lulju. Sa kważi xahrejn wara, dan għadu ma nbidilx, indikazzjoni li l-Kummissjoni għadha ma kisbitx lura l-aċċess. 

Però, l-aktar ironiku żgur mhux forsi jibqa’ s-serq tal-profil tas-supretendent tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet dwar Reati Finanzjarji (FCID) tal-Pulizija, Sandro Camilleri, hekk kif il-profil misruq tiegħu intuża sabiex jipprova jħeġġeġ lil persuni terzi sabiex jagħtu flushom lil min seraq il-profil, bil-lixka li dan ikun “investiment”. 

Kelliem għall-Pulizija spjega kif hemm diversi modi ta’ kif wieħed jista’ jispiċċa vittma ta’ serq ta’ profil. L-aktar komuni minn dawn huwa meta profil awtentiku jkun misruq, imbagħad jintuża sabiex jikkomunika ma’ terzi, filwaqt li jagħmilha tabirruħu li huwa filfatt sid il-profil, sabiex jikkonviċihom jagħmlu azzjoni li tagħti lill-impersonatur aċċess għall-profil tagħhom. Din hija effettiva minħabba li l-impersonatur ikun qed juża profil ta’ persuna li l-vittma jkun javda, simili ta’ x’ġara fil-każ ta’ Camilleri. 

Tip ieħor komuni huwa meta jintbagħat messaġġ permezz tal-midja soċjali, tipikament b’xi tip ta’ storja fittizzja b’ħolqa annessa magħha, li meta wieħed jagħfas fuqha tagħti aċċess għall-profil lil persuni terzi, spjegaw il-Pulizija.  

Meta wieħed jinsteraqlu l-profil, il-vittma huwa mħeġġeġ sabiex jipprova jerġa jirkuprah billi jsegwi l-proċeduri dedikati ta’ dik il-pjattaforma, li normalment issir billi tintbagħtlu ittra elettronika fuq l-indirizz elettroniku li jkollu marbut mal-profil. Jista’ wkoll jitlob għajnuna minn nies impjegati mill-pjattaforma stess, li xogħolhom huwa li jgħinu l-klijenti f’dawn iċ-ċirkostanzi. 

Meta informazzjoni dwar dawn it-tip ta’ każijiet tgħaddi lill-Pulizija, huwa jagħmlu sforz sabiex jipprovaw jestabilixxu l-identità ta’ dak jew dawk li jkunu involuti fir-reat. Madankollu, din mhix ħaġa faċli għalihom, għax isibu numru ta’ diffikultajiet. L-ewwelnett, ħafna drabi dawn ma jkunux nies li qiegħdin f’Malta, iżda jkunu minn pajjiżi barranin.  

Barra minn hekk, il-kriminali dejjem qed jagħmluha aktar diffiċli sabiex il-Pulizija ssib traċċi tagħhom. Dan għax qed jużaw dawk li jissejħu virtual private networks, jew VPNs, li huma programmi ta’ servizz li l-funzjoni tagħhom hi li jżidu is-sigurtà u l-anonimità fuq l-internet.  

Dan isir billi jinħeba l-indirizz tal-IP (IP address) tal-individwu, numru uniku għal kull min jaċċessa l-internet, li normalment jintuża biex tiġi stabbilita l-identità ta’ min iwettaq dawn ir-reati. 

Barra minn hekk, ġieli l-kriminal jagħmel użu minn internet pubbliku, u b’hekk ikun anqas u anqas traċċabbli. 

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija, jidher li dawn ikunu qed jipprovaw jisiqu informazzjoni u data minħabba li dawn jistgħu jissarfu fi flus. Dan għalhiex jistgħu jintużaw għal rikatt, impersonazzjoni, kif ukoll jinbiegħu lil kriminali fuq id-dark web, sezzjoni tal-internet aċċessibbli biss permezz ta’ programmi speċjali fejn l-operaturi tas-siti u dawk li jżuruhom ikunu kompletament anonimi u ma jkunux identifikabbli. 

Il-Pulizija temmew b’appell sabiex wieħed jaħseb sew qabel jagħfas fuq ħoloq, u fejn ikollu dubju jinjorahom. Sabiex ikun aktar protett, wieħed għandu jassigura l-profili u l-mezzi tagħhom b’passwords kumplessi. Barra minn hekk, qatt m’għandhom jiġu diskussi passwords, dettalji tal-bank, jew kull tip ta’ data sensittiva, fuq it-telefon jew f’ittra elettronika. 

More in Qrati u Pulizija