Tidħol Mater Dei għal operazzjoni żgħira u tispiċċa bi ġrieħi serji fix-xewka ta' daharha

Il-mara waqgħet minn fuq is-sodda tal-operazzjonijiet, kellha tiġi operata malajr u sal-lum ma tafx x'effett se jkollha l-waqgħa fuq saħħitha

Mara li qed issofri minn ġrieħi f’daharha wara li waqgħet minn fuq sodda tal-operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei, ħadet azzjonijiet legali kontra l-awtoritajiet tal-isptar fejn qed iżommhom responsabbli ta’ negliġenza.

L-inċident seħħ ilbieraħ, id-19 ta’ Novembru, meta l-mara, ta’ 58 sena, ddaħlet Mater Dei għal operazzjoni żgħira f’subgħajha. Hi kienet operata fil-11:30am u ttellgħet fil-ward ftit qabel is-sagħtejn.

Jidher li wara l-operazzjoni, ir-raġel tal-mara talab lill-infermiera ftit informazzjoni dwar jekk kienx hemm kumplikazzjonijiet għax il-mara tiegħu ma kinitx qed tħoss saqajha.

Wara li sarulha għadd ta’ testijiet, il-kirurgu informa lir-raġel li l-pazjenta waqgħet minn fuq is-sodda tal-operazzjonijiet u fil-fatt ordna li jsir x-ray. 

Fis-7pm ta’ filgħaxija, konsulent informa lir-raġel li l-mara tiegħu sofriet ġrieħi f’għonqha u fix-xewka ta’ daharha u li minħabba f’hekk kellha ssirilha operazzjoni maġġuri.

Madanakollu, wara li saret l-operazzjoni, ir-raġel kien infurmat li l-ħsara kienet saret u li l-effett u l-konsegwenzi tal-waqgħa jistgħu jkunu determinati biss wara li jgħaddi ftit taż-żmien.

Il-mara saħansitra spiċċat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Kien dan li wassal lill-koppja biex iressqu protest ġudizzjarju fejn qed iżommu responsabbli lill-awtoritajiet tal-Isptar għad-danni.

Intant, dwar dan il-każ, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ordna inkjesta maġisterjali.

More in Qrati u Pulizija