George Degiorgio jerġa' jallega trattament inuman fil-ħabs

George Degiorgio qed jisħaq li mhux jingħata l-kura li għandi bżonn minħabba uġigħ kbir fl-ispalla

Wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, George Degiorgio, qed jakkuża lid-Direttur tal-Ħabs bi trattament inuman fosthom għax mhux jingħata kura adegwata għall-uġigħ li qed ibati minnu fi spalltu.

Fi protest ġudizzjarju, Degiorgio qed jisħaq li l-uġigħ li qed iħoss huwa persistenti u insopportabbli iżda l-awtoritajiet tal-ħabs mhu qed jagħmlu xejn biex jgħinuh ħlief jagħtuh pirmli li jtaffu l-uġigġ.

Degiorgio qed jisħaq li talab li jara lit-tabib tiegħu iżda l-awtoritajiet tal-ħabs baqgħu passivi.

L-Avukat tiegħu, William Cuschieri, saħaq li dan kollu kien isir bi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u wissa li jekk Degiorgio mhux se jingħata l-kura lesti jieħdu passi oħra li toffri l-liġi.

Dan ma kienx l-ewwel ilment ta' Degiorgio hekk kif f'Diċembru li għadda akkuża lill-awtoritajiet tal-ħabs li fallew milli jirranġalu għal appuntament fi klinika privata.

More in Qrati u Pulizija