Degiorgio jisħaq li huwa vittma ta' trattament inuman u degradanti

...dan għax id-Direttur tal-ħabs falla milli jirranġalu għal appuntament fi klinika privata

George Degiorgio, wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ppreżenta ittra ġudizzjarja lill-Qorti, bil-għan li d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jirranġalu għal intervent mediku li għandu bżonn minħabba kundizzjoni li fi kliemu qed tħallih b’ħafna uġigħ.

Fl-ittra, Degiorgio saħansitra jinsinwa li qed ikun vittma ta’ trattament inuman u degradanti.

L-ittra ressaqha l-Avukat William Cuschieri quddiem l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili u fiha jispjega kif Degiorgio, ilu xhur sħaħ ibati minn uġigħ kbir fi spalltu.

Fl-14 ta’ Novembru li għadda, fil-Qorti nstema’ kif id-Direttur tal-ħabs se jkun qed jirranġalu għal appuntament fi klinika privata u li għalih kien se jħallah l-akkużat stess.

Minkejja dan l-appuntament baqa’ sarx.

Għalhekk, l-ittra takkuża lid-direttur li qed ikun "passiv" għax qed ifalli milli jara li Degiorgio jkun eżaminat u jingħata l-kura li għandu bżonn.

Din l-ittra ġudizzjarja tkompli mas-sensiela ta’ każi Kostituzzjonali li fetħu l-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’Settembru li għadda, Degiorgio fetaħ każ Kostituzzjonali jisħaq li huwa vittma ta’ ‘frame-up’ hekk kif fi kliemu l-Pulizija qed jagħmlu minn kollox biex isibu evidenza bil-għan li jżommuh arrestat.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ ta’ Caruana Galizia jkompli għada quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

More in Qrati u Pulizija